Ċelebrazzjoni f’għeluq il-kampanja Aqra fis-Sajf 2019 – One News

Notifiki

Ċelebrazzjoni f’għeluq il-kampanja Aqra fis-Sajf 2019

Il-ħames edizzjoni tal-kampanja Aqra fis-Sajf ġiet fi tmiemha nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Settembru 2019, b’ċelebrazzjoni għat-80 student/a rebbieħa tal-isfida ‘Aqra fis-Sajf 2019’, organizzata fix-xhur tas-sajf mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Din iċ-ċelebrazzjoni ttellgħet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti MUŻA b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta

L-istudenti rebbieħa ħadu sehem f’attivitajiet ta’ qari, kitba u rakkuntar ta’ stejjer minn animaturi tal-qari tal-Aġenzija. Waqt diċ-ċelebrazzjoni ħa sehem ukoll l-Ambaxxatur tal-Qari Keith Demicoli li qara storja lil grupp ta’ studenti. Wara l-attivitajiet, ir-rebbieħa ġew ippremjati ktieb bil-Malti u bl-Ingliż, ġentilment mogħtija mid-distributuri u l-pubblikaturi lokali, u ċertifikat ta’ rikonoxximent. It-tliet studenti rebbieħa tal-kompetizzjioni tat-tpinġija tal-isfida ngħataw voucher minn WotArt li jissarraf f’lezzjonijiet tal-arti.

Dr Francis Fabri, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, feraħ lir-rebbieħa kollha u lil kull min ipparteċipa f’din l-isfida. Dr Fabri rringrazzja lill-ġenituri preżenti tal-impenn tagħhom biex iħeġġu lil uliedhom jieħdu sehem f’dawn it-tip ta’ inizjattivi li tant jagħmlu ġid lit-tfal.

Waqt il-kampanja Aqra fis-Sajf, ġew organizzati ’l fuq minn 3,300 sessjoni ta’ Qari Flimkien bil-Malti u bl-Ingliż, f’51 ċentru ta’ Skolasajf madwar Malta u Għawdex. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari għall-gost ingħataw minn animaturi tal-qari li tħarrġu mill-Aġenzija. Barra minn hekk, fis-sajf l-Aġenzija baqgħet għaddejja wkoll bil-programmi Aqra Miegħi/Read with Me u Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories f’libreriji u postijiet pubbliċi.

It-tfal li matul is-sena attendew il-programm tal-litteriżmu għall-familja Nwar, segwew il-programm ta’ qari gwidat Klabbsajf f’6 ċentri jiġifieri Ħaż-Żabbar, il-Mosta, Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, iż-Żejtun, u Ta’ Sannat Għawdex. B’kollox ibbenefikaw 88 student/a mill-programm Klabbsajf. Għall-ewwel darba, l-Aġenzija organizzat ukoll il-programm SURF (Summer Reading Fun) f’9 ċentri għat-tfal li attendew il-programm Reading Recovery matul is-sena skolastika 2018-2019. Waqt dawn il-programmi, 101 student/a ngħataw intervent individwali sabiex ikomplu jtejbu l-ħiliet tal-qari u l-kitba tagħhom.

 

L-istudenti li attendew Skolasajf ingħataw ukoll l-opportunità jieħdu sehem f’attivitajiet tal-programm Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/Footballer’s Read and Write Programme. Flimkien ma’ Sports Literacy Leader (ex plejer internazzjonali tal-futbol) u Literacy Resource Leader, it-tfal kienu impenjati f’sessjoni ta’ futbol u qari ta’ storja dan l-istess sport. B’kollox saru 31 sessjoni ta’ dan il-programm f’16-il lokalità.

L-Aġenzija offriet ukoll fis-sajf il-programm ‘Għidli Storja/Tell Me a Story’. Dan il-programm iffoka fuq l-irrakkontar ta’ ħrejjef u leġġendi bil-Malti u/jew bl-Ingliż. Kull sessjoni kienet magħmula minn rakkuntar ta’ stejjer u attivitajiet tat-taħdit bl-iskop li t-tfal ikomplu jsaħħu l-immaġinazzjoni u l-kreattività tagħhom, kif ukoll jidraw jitkellmu b’mod iktar mexxej u b’kunfidenza. Tul das-sajf saru 56 sessjoni ta’ dan il-programm f’19-il lokalità.

Matul ix-xhur tas-sajf, l-entità Libreriji Maltin estendiet il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ libreriji pubbliċi f’diversi lokalitajiet, filwaqt li 33 skola primarja, medja, u sekondarja fetħu l-librerija tal-iskola tagħhom għall-istudenti li jattendu l-istess skejjel darba jew darbtejn fil-ġimgħa.

Il-kampanja Aqra fis-Sajf ġiet organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Taqsima tal-Għotjiet tal-Manteniment għall-Istudenti, l-entità Libreriji Maltin, id-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u bl-appoġġ tal-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba ewlenin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend