L-Air Malta ġġorr kwart ta’ miljun passiġġier f’Awwissu – l-aqwa Awwissu f’45 sena – One News

Notifiki

L-Air Malta ġġorr kwart ta’ miljun passiġġier f’Awwissu – l-aqwa Awwissu f’45 sena

Il-kumpanija tal-ajru nazzjonali Maltija, l-AirMalta, ġarret ftit inqas minn kwart ta’ miljun passiġġier f’Awwissu ta’ din is-sena. Il-248,358 passiġġier isarraf fl-aqwa numru li qatt irreġistrat il-kumpanija minn mindu twaqqfet 45 sena ilu, kif ukoll żieda ta’ tnejn fil-mija meta mqabbel mar-riżultati rekord tas-sena li għaddiet.

Awwissu, li hu meqjus bħala l-aktar xahar bieżel għas-settur turistiku, wera riżultati pożittivi ferm għall-kumpanija AirMalta, u dan mhux biss għaliex f’Awwissu huwa l-aktar popolari għas-safar, imma wkoll grazzi għal diversi miżuri li ttieħdu fl-istrutturar tal-kumpanija.

Ic-Ċermen tal-AirMalta, Dr Charles Mangion, qal li dawn ir-riżultati pożittivi f’suq tassew kompetittiv qed ikomplu jikkonfermaw illi l-kumpanija mixja fit-triq it-tajba filwaqt li l-AirMalta qed tkompli taħdem sabiex isaħħaħ l-immaniġjar tad-dħul, is-sales kif ukoll il-proċess tad-distribuzzjoni. Huwa kompla jgħid illi ċ-ċifri ta’ din is-sena qed isegwu dawk tal-2018.

Matul dawn l-aħħar tliet snin il-kumpanija għamlet bosta tibdil fosthom iż-żieda ta’ tliet ajruplani Airbus A320 Neo kif ukoll żieda ta’ 25 rotta ġdida biex b’hekk l-AirMalta ttir lejn 42 destinazzjoni differenti. Filwaqt li din is-sena il-kumpanija ffukat l-isforzi tagħha sabiex biex isaħħaħ l-operat kif ukoll l-aspett kummerċjali.

Dr. Magion kompla jgħid illi dan it-tkabbir li qed tagħmel il-kumpanija qed jintlaqa’ b’mod pożittiv mill-imsieħba soċjali li qed jerġgħu jaraw lill-AirMalta bħala kumpanija li qed tkompli tisaħħaħ u tikber bħala linja tal-ajru.

Intant, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, qal li d-direzzjoni li ħadet l-AirMalta fl-2017 qed tħalli l-frott mixtieq, filwaqt li dawn ir-riżultati jixhdu li l-linja tal-ajru qed turi li tista’ tikkompeti u tkiber f’suq li fih sfidi kbar. Il-Ministru sostna li huwa fiduċjuż illi l-profitabiltà tal-kumpanija jibqa’ jekk dejjem l-AirMalta tkompli tikber. Huwa temm jgħid li issa huwa f’idejn l-imsieħba soċjali li jiġbdu l-istess ħabel sabiex iwasslu lill-kumpanija aktar ‘il quddiem u tidħol fl-istadju li jmiss; fosthom li l-AirMalta tibda topera titjiriet itwal.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend