Il-prijorità ewlenija tal-Budget hi li jkompli jitwettaq il-manifest elettorali tal-Gvern – One News

Il-prijorità ewlenija tal-Budget hi li jkompli jitwettaq il-manifest elettorali tal-Gvern

Il-Budget 2020 se jagħmel enfasi fuq iktar riformi strutturali li huma kruċjali għall-pajjiż. L-aħħar sigħat urew li minkejja li żdied il-prezz internazzjonali taż-żejt, ir-riformi li saru fil-qasam tal-enerġija tagħna wasslu biex f’pajjiżna lanqas biss naħsbu li jistgħu jogħlew il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

Għalhekk il-valur ta’ dawn ir-riformi strutturali hu li jagħmlu lil Malta future-proof biex fatturi li ma jkollniex kontroll fuqhom ma jħallux effetti diretti fuq il-familji u n-negozji tagħna.

Waqt laqgħa tal-Kabinett man-Nies fil-bini tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’Santa Venera, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-qafas li fuqu se jkun ippreżentat il-budget fl-14 ta’ Ottubru li ġej hekk kif il-preparamenti għalih ilhom xhur li bdew u issa intensifikaw.

Qal li l-prijorità ewlenija tal-budget hi t-tkomplija tat-twettiq tal-manifest elettorali tal-gvern li hu l-pjan ta’ ħidma li ġie mwiegħed lill-poplu u li issa qed jiġi implimentat. Dr Muscat qal li, b’sens ta’ kontabbiltà, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni għaddej bl-evalwazzjoni tiegħu.

Intant, fi preżentazzjoni dettaljata dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-aktar miżuri li se jibqa’ mfakkar għalihom dan il-gvern mhumiex biss dawk li żiedu l-benefiċċji biss imma dawk il-miżuri li ġabu magħhom riforma strutturali li wasslu għal ekonomija b’saħħitha u b’kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Ministru Scicluna semma li bil-ġid ekonomiku tnaqqas in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u tal-esklużjoni soċjali. Żied jgħid li bil-ħolqien tal-impjiegi mhux biss qed jitnaqqas il-faqar iżda qed jinħoloq il-ġid.

Il-Professur Edward Scicluna fisser it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma bħala nifs ġdid fl-ekonomija Maltija f’mumenti diffiċli. It-twettiq ta’ din il-wegħda elettorali taffet il-piżijiet tqal fuq il-familji u n-negozji u fl-istess waqt l-ekonomija Maltija bdiet tieħu spinta ’l quddiem.

“Dan hu l-mod kif inqassmu l-ġid ekonomiku u t-tqassim tiegħu li kulma jmur qed isarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid il-Ministru Scicluna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend