Fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea trid tkun vuċi soda bi programm ambizzjuż– Miriam Dalli – One News

Notifiki

Fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea trid tkun vuċi soda bi programm ambizzjuż– Miriam Dalli

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli se tkun New York bħala parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-Summit fuq l-Azzjoni dwar il-Klima

 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq pjan dwar il-klima li jkun ambizzjuż u b’miżuri finanzjarji biex issir it-tranżizzjoni meħtieġa.

 

“Irrid nisma’ vuċi Ewropea b’saħħitha li ma tibżax tippreżenta programm bi pjan ta’ azzjoni ambizzjuża. Jekk l-impenn tal-Unjoni Ewropea ikun dgħajjef huma l-komunitajiet, l-industriji, l-ekonomiji, iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna li se jbatu,” qalet Miriam Dalli, Viċi-President tal-S&D, lill-Parlament Ewropew.

 

Programmi bħal dawn iridu jiffukaw fuq it-tranżizzjoni u l-bidla li teħtieġ issir, b’miżuri finanzjarji. Trid tkun politika orizzontali li tindirizza s-setturi kollha.

 

Miriam Dalli hi membru tad-delegazzjoni li se tirrappreżenta l-Parlament Ewropew fi New York matul l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li se tiffoka fuq Azzjoni biex tkun indirizzata l-Klima u l-iŻvilupp Sostenibbli.

 

L-aġenda tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu llum bdiet bi djagolu mal-Kummissarju Ewropew Miguel Arias Cañete, fejn ġiet diskussa l-pożizzjoni li se tadotta l-Unjoni Ewropea waqt dan in-Summit.

 

Miriam Dalli sostniet li “t-tibdil fil-klima hija emerġenza globali li teħtieġ soluzzjonijiet globali. Iżda trid tkun tmexxija soda minn naħa tal-Unjoni Ewropea li tgħin il-bidla li trid issir, filwaqt li tappoġġja lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli.”

 

Miriam Dalli sostniet li kif inhuma sejrin l-affarijiet bħalissa, l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi mhux se jintlaħqu u għalhekk hemm bżonn azzjoni immedjata ibbażata fuq viżjoni ta’ industrija li hija carbon neutral.

 

“Neħtieġu strateġija cara li tneħħi t-tniġġiż f’oqsma bħat-trasport, bini, industrija u enerġija fost l-oħrajn. Hija tmexxija Ewropeja li tista’ twassal għal azzjoni globali aktar mgħaġġla li tindirizza l-emerġenza li għandna quddiemna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend