Se jitħawlu 13,000 siġra u arbuxell fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid – One News

Notifiki

Se jitħawlu 13,000 siġra u arbuxell fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid

Ambjent Malta għaddejja b’ħidma kbira biex tħawwel 13,000-il elf siġra u arbuxell fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid bħala parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni bil-għan li dan l-ispazju pubbliku ta’ madwar 30 tomna art jintraddu lill-familji Maltin u Għawdxin f’post ta’ rikreazzjoni u f’pulmun ieħor għan-Nofisnhar tal-pajjiż. 

Il-proġett b’investiment ta’ ’l fuq minn miljun ewro ra tneħħija ta’ radam u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni bil-għan li tkompli ssaqqi u tmantni s-siġar eżistenti u dawk li qed jitħawlu ġodda.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’dak li qabel kien magħruf bħala Ġnien Gaddafi, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis, elenka wħud mix-xogħlijiet li saru f’dan il-ġnien.

Parnis stqarr li “Ma kellniex sistema ta’ irrigation jiġifieri s-siġar kif qed tara kienu qegħdin imutu. Mal-proġett tal-pjazza għamilna ġibjun ieħor ġo Ġnien il-Mediterran biex b’hekk issa permezz ta’ Ambjent Malta qegħdin nagħmlu s-siġar kollha bl-irrigation. Qegħdin ineħħu l-mejtin u qegħdin nerġgħu nagħtu l-ħajja lil dawk li għaddew minn trawma ta’ nixfa u sħana”.

Is-Segretarju Parlamentari aċċenna għall-pjani infrastrutturali bil-għan li jtejbu l-aċċessibiltà f’dan il-ġnien l-aktar għall-istudenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid.

“Irranġajna l-pajsaġġi kollha, tellajna l-ħitan tas-sejjieħ. Qed naħsbu biex indawluh wara diskussjonijiet li kellna mal-Ministru Ian Borġ ser inkunu qed nagħmlu pont li jwassal mill-MCAST għall-Ġnien il-Mediterran u minn Ġnien il-Mediterran iwassal għall-pjazza”, sostna Parnis.

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li fix-xhur li ġejjin il-Gvern mistenni jilħaq ftehim biex iġib siġar maturi mit-Turkija u l-Greċja biex jitħawlu mal-40,000 siġra, fosthom siġar tal-frott fi proġetti ta’ afforestazzjoni kbar u f’żoni urbani li embarka fuqhom il-Gvern.

Mistoqsi minn One News dwar proġetti u pjani għas-snin li ġejjin fil-qasam ambjentali, il-Ministru Herrera qal li hemm pjan li mis-sena d-dieħla, jidħol il-privat fejn il-Gvern ma jlaħħaqx f’dik li hi manutenzjoni tas-siġar.

Il-Ministru Herrera stqarr li “Argumentajt ma’ Ambjent Malta li biex aħna nlaħħqu max-xogħol kollu li hemm mhux ngħidu li “Ma nistgħux inlaħħqu, nħalluħ.” Mhux skuża, jien għandi r-responsabbiltá li nlaħħaq. Fejn ma nlaħħqux direttament kif jagħmel u għalhekk qed jagħti s-suċċess li qed jagħmel Infrastructure Malta aħna rridu nkunu f’pożizzjoni li nikkuntrattaw lill-privat ukoll”.

 

 Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan huwa wieħed mill-akbar ġonna fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, imma sfortunatament ftit huma dawk li jafu bih. Is-segretarju parlamentari qal li biż-żoni pedonali, biż-żieda sostanzjali ta’ siġar, bil-ġibjun li diġà nbena, bis-sistema ta’ irrigazzjoni li qed tiġi installata, u b’żidiet kruċjali oħra, dan il-ġnien qed jinbidel fi ġnien tal-ogħla livell. Meta jkun lest, dan il-ġnien ta’ madwar 30 tomna, għandu jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għal kull min iżur din il-lokalità u jagħti spinta lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend