Il-President George Vella b’udjenza privata mal-Papa – One News

Notifiki

Il-President George Vella b’udjenza privata mal-Papa

It-Tnejn filgħodu l-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ għall-ewwel darba mal-Papa Franġisku f’udjenza privata li kellu fil-Belt tal-Vatikan. 

Huwa ntlaqa fil-Palazz Appostoliku mill-Prefett tal-Vatikan. Wara t-tislima mill-Gwardji Żvizzeri, il-President intlaqa’ mill-Papa Franġisku.

Matul l-udjenza privata bejn iż-żewġ kapijiet ta’ stat fil-bibljoteka tal-papa ġew diskussi diversi temi ta’ relevanza attwali, fosthom l-immigrazzjoni u aspetti oħra tal-politika kurrenti internazzjonali.

Fi tmiem il-laqgħa, il-President Vella ddeskriva lill-Papa Franġisku bħala bniedem tassew qrib il-poplu u li huwa mgħarraf sew dwar pajjiżna.

Il-President George Vella stqarr li “Ħa l-ħin tiegħu, spjegajna lil xulxin xi jrid isir, qsamna l-ideat u anki nħoss li qiegħed titkellem ma’ min qiegħed jifhem is-sitwazzjoni speċjalment meta tiġi fuq problema aktar kbar li ma tiddependix biss Malta bħall-immigrazzjoni li hija xi ħaġa li ma tmissx biss lil Malta imma hija ħafna għall-qalb il-Papa u anki l-kwistjoni tat-traffikanti li jkunu involuti f’dan is-suġġett”.

Il-President Vella qal ukoll li reġa’ ġedded l-istedina lill-Papa sabiex iżur pajjiżna.

Wara li saret il-preżentazzjoni tal-membri tad-delegazzjoni tal-Gvern Malti u l-qraba tal-President Vella li jinsab akkumpanjat minn martu Miriam, segwew il-bdil tar-rigali, bil-President ta’ Malta jagħti lill-Papa kwadru tal-Madonna ta’ Pinu magħmul bl-idejn b’teknika tal-mużajk kontemporanju miċ-ċentru arti liturġika Eikon tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Il-Papa rreċiproka b’għadd ta’ rigali fosthom b’medalja

Il-President u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ltaqgħu ukoll mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Pietro Parolin u s-Sotto Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Monsinjur Għawdxi Antoine Camilleri.

Il-Kardinal Parolin wera wkoll l-apprezzament tiegħu għal kif fl-aħħar snin Malta indirizzat il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Il-President tenna li “Jafu ħafna fuq il-problema ta’ Malta. Informati sew u jidher li hemm apprezzament għall-politka Maltija ta’ dawn l-aħħar snin mhux ta’ issa biss imma l mod kif imxew ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-vatikan matul dawn is-snin”.

Il-Segretarju tal-Istat wera wkoll l-apprezzament tas-Santa Sede għall-impenn li ħa l-Gvern Malti ftit tal-jiem ilu meta estenda l-finanzjament ta’ laptops għall-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja u sostna li din hija miżura li saret fl-interess tat-tfal kollha.

.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend