Ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-MEA bil-mira li jispiċċa l-qgħad fost il-persuni b’diżabilità – One News

Notifiki

Ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-MEA bil-mira li jispiċċa l-qgħad fost il-persuni b’diżabilità

Ġie ffirmat ftehim ta’ ħames snin bejn l-Aġenzija Sapport u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem il-MEA, li għandu l-għan li jkompli jżid l-ammont ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. 

Il-ftehim hu intiż li jikkumplimenta l-proġett INK, li fl-aħħar snin ra mat-300 persuna b’diżabilità jingħataw taħriġ qabel jidħlu fid-dinja tax-xogħol b’investiment ta’ madwar miljun ewro kull sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Joseph Cini qal li b’dan il-ftehim l-Aġenzija Sapport se jkollha preżenza onlajn fuq il-pjattaforma tal-assoċjalzzjoni fejn min iħaddem se jkollu tagħrif dwar il-persuni b’diżabilità.

Cini stqarr li “Il-proġetti, is-servizzi u l-inizjattivi li aħna noffru għal persuni b’diżabilità. Ħa nkunu wkoll nagħtu informazzjoni fuq il-proġett INK, proġett għal persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, it-training li ħa jkun hemm għall-employers u għall-impjegati tagħhom”.

Id-Direttur Generali tal-MEA Joseph Farrugia qal li l-madwar 60,000 membru tal-MEA se ikollhom gwida ta’ kif iridu jaghmlu biex iħaddmu persuni b’diżabilità. Saħaq li diġà qed isir ħafna progress biex jidħlu iżjed persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, tant li ħafna intrapriżi diġà qed jaqbżu l-kwota ta’ 2%.

Farrugia sostna li “Dan il-memorandum huwa memorandum ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Sapport, li jinkludi wkoll il-proġett INK li hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea sabiex aktar nies ikollhom l-opportunità li jużaw il-kapaċitajiet tagħhom u jaħdmu bħal ħaddieħor”.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis esprima qal li bejn Diċembru tal-2016 u Diċembru tal-2018, l-għadd ta’ persuni b’diżabilità b’impjieg żdied b’728 biex illum hemm kważi 1,800 persuna b’diżabilità b’impjieg full-time u 800 oħra b’part-time.

Innota li fuq il-kotba tal-qgħad fadal biss 215 persuna b’diżabilità u 136 oħra part-time. Sostna li l-mira ewlenija ta’ proġett bħal dan hi li jelimina l-qgħad f’din il-kategorija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità, Anthony Agius Decelis qal li “Parti minnu huwa li nħeġġu iktar lill-employers jagħtu impjieg lil persuni b’diżabilità. Għandna xi 215/230 li qegħdin ifittxu x-xogħol u allura nħeġġuhom biex ma joqogħdux iħossuhom marbutin bit-2% li tgħid il-liġi imma jikkupjaw lil dawk il-kumpaniji li għandhom 3,4,5% tal-impjegati tagħhom li huma persuni b’diżabilità u huma jagħmlu bħalhom”.

Fisser li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se tissaħaħ ir-relazzjoni bejn l-MEA u l-Aġenzija Sapport, għax il-viżjoni tal-Gvern hi li d-dinja tax-xogħol tkun iktar inklussiva, u li kull ħaddiem b’diżabilità jħossu parti mid-dinja tax-xogħol.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend