Delia jinqabad idawwar dak li jaqbillu – One News

Delia jinqabad idawwar dak li jaqbillu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li bir-riforma fil-liġi tal-kera, il-Gvern se jaqbad jieħu l-proprjetà tan-nies. 

Adrian Delia stqarr li “Li jaħtaf il-proprjetà tan-nies u jagħmel biha li jrid”.

Iżda hekk kif lissen din id-dikjarazzjoni, dlonk ġurnalist indipendenti ġibidlu l-attenzjoni u qallu r-riforma fil-liġi tal-kera ma tipproponix dak li kien għadu kif iddikjara b’mod skorett.

Il-ġurnalist indipendenti qal li “Il-Gvern jieħu l-proprjetà. L-Awtorità jkollha d-dritt li tivverifika li persuna qiegħed residenti fil-proprjetà li qed jikkomplejna ruħha”.

Mifxul li nqabad idawwar is-sewwa magħruf, Delia deher skomdu quddiem il-fatt li bil-liġi l-ġdida tal-kera se jkun hemm iċ-ċans li l-awtoritajiet jivverifikaw dak meħtieġ b’notifiki minn qabel.

Fil-fatt dan sostnewh ukoll 15-il għaqda li jaħdmu fil-qasam soċjali li saħqu li jekk l-Awtorità tad-Djar jitneħħilha l-poter li tivverifika li persuna hija fil-fatt residenti fi proprjetà, kif qed jissuġġerixxi l-Partit Nazzjonalista, l-abbozz ta’ liġi kollu kemm hu jispiċċa inutli għax is-sidien ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin jikru mingħajr kuntratti jew b’kuntratti irregolari li ma jiġux irreġistrati.

Dwar dan f’intervista li xxandret il-Ħadd, il-Prim Ministru spjega kif l-Oppożizzjoni ta’ Delia hija bħal qasba tixxejjer mar-riħ, iddur fejn jaqblilha wara li semgħet l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi titkellem kontra.

Ilbieraħ f’intervist fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li “Sa ftit ilu, dawn kienu qegħdin jikkritikawna għaliex m’aħniex niddefendu biżżejjed lill-inkwilin. Għaliex għamilna miżuri li qegħdin niddefendu lil min jgħix fil-kera, issa qed jikkritikawna li qed nagħmlu miżuri li huma iebsin wisq mas-sidien tal-kera”.

Ma’ dan l-istazzjon imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni kien kostrett li jibla’ kliemu wara li ġbidnielu l-attenzjoni li fuq il-passi li ħa fuq il-liġi tal-kera, anki wara li vvota favuriha fil-Parlament, il-15-il għaqda fil-qasam soċjali jħosshom perplessi bil-pożizzjoni li ħa Partit Nazzjonalista dwar dak propost fil-liġi tal-kera.

Il-ġurnalist ta’ ONE News qal li “Meta qalulek li qed taqbżu iktar għas-sidien għad-detriment tal-vulnerabbli dak il-kliem.”

Delia tenna “Hekk qalu”.

L-istess għaqdiet soċjali saħqu li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħmel dan għad-detriment tal-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà.

“Inti semmejt dawk l-organizazzjonijiet, jien insemmilkom il-Kunsill tan-Nutara, il-Kamra Tal-Avukati, l-eks Imħallef Giovanni Bonello”, sostna Delia.

Intant Adrian Delia kompla b’dikjarazzjoni surreali.

Is-Sibt li għadda l-ekonomisti indipendenti tal-aġenzija tal-kreditu Standard & Poor’s qalu li l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’mod sostnut bil-miżuri li ħa l-Gvern, u llum Delia qal li kull sena qed jiżdied il-faqar.

“Illi dawn in-numri qegħdin ta’ kull sena jikbru”, temm jgħid Adrian Delia.

Delia baqa’ jirrepeti din id-dikjarazzjoni skoretta meta skont il-metodoloġija tal-Eurostat, l-għadd ta’ persuni fil-faqar naqas b’żewġ terzi, minn 43,000 għal 14,000.

Dan ifisser li tneħħew mill-faqar tnejn minn kull tliet persuni li dan il-Gvern wiret fil-faqar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend