Oppożizzjoni inkonsistenti dwar il-liġi tal-kera – One News

Notifiki

Oppożizzjoni inkonsistenti dwar il-liġi tal-kera

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, immarka l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni dwar il-liġi tal-kera. Meta fuq ONE Radio kien mistoqsi dwar ir-riforma f’din il-liġi, il-Prim Ministru tenna li ma jistax jifhem kif wara proċess bħal dak ta’ white paper u konsultazzjoni, l-Oppożizzjoni kienet qisha qiegħda taqbel. F’ daqqa waħda, għaliex kien hemm nuqqas ta’ qbil mal-Kamra tal-Kummerċ u mal-MDA, l-Oppożizzjoni biddlet fehmitha.

“Sa ftit ilu, dawn kienu qegħdin jikkritikawna għaliex m’aħniex niddefendu biżżejjed lill-inkwilin. Għaliex għamilna miżuri li qegħdin niddefendu lil min jgħix fil-kera, issa qed jikkritikawna li qed nagħmlu miżuri li huma iebsin wisq mas-sidien tal-kera.”

Il-Prim Ministru sostna li l-prinċipji tal-Gvern f’dan ir-rigward huma ċari, li n-negozju jibqa’ sejjer ‘il quddiem iżda iċ-ċittadin ikun protett ukoll.

Hawnhekk irrefera wkoll għall-indafa f’pajjiżna. Qal li għandna Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni li hija effiċjenti ferm, iżda hemm bżonn aktar kordinazzjoni effettiva.

“Naħseb li l-iktar li turta lin-nies hija s-sitwazzjoni fejn ikollok iż-żibel miġbur x’imkien u l-kunsill jgħid li dan xogħol tal-Gvern u l-Gvern jgħid li dan xogħol tal-kunsill. Naħseb li dik hija xi ħaġa li ssorvolajnieha fil-kwistjoni tat-toroq u issa għandna soluzzjoni ċara. Jien ma naħsibx li dawn ix-xogħlijiet għandhom jittieħdu mill-kunsilli lokali imma għandu jkun hemm strateġija aħjar u fejn jidħlu kuntratturi privati, għandu jkun hemm dixxiplina aħjar”.

F’Novembru se tkun qed tiġi organizzata konferenza nazzjonali f’dan ir-rigward sabiex ikun hemm l-entitajiet kollha nvoluti biex jaraw kif jistgħu jittejbu s-sistemi tagħhom u tittieħed azzjoni fejn meħtieġ.

“Irrid nara tibdil drastiku fil-mod ta’ kif jidher il-pajjiż, fil-mod ta’ kif jinżamm il-pajjiż, id-dixxiplina fost in-nies iżda anke l-kuntratturi privati li jekk jieħdu tender f’erba’ kunsilli, ikollhom biex jaħdmu fl-erbgħa li huma”.

Il-Prim Ministru qal ukoll li jinsab onorat bil-portafoll magħżul għal Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew, u ddeskriva dan bħala żvilupp storiku u ċertifikat enormi għal pajjiżna.

“Min-naħa tagħna, irridu nkomplu naħdmu dwar l-ugwaljanza. M’għandix dubju li l-isforzi tal-Gvern ħa jibqgħu jkunu konsistenti. Anke bħala Partit Laburista rridu nkomplu naħdmu. Waħda mill-aktar jekk mhux l-uniku diżappunti li kelli fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 kien in-numru żgħir ta’ kandidati nisa li kellna bħala Partit Laburista. Bir-riforma li nittama, jekk qed nifhem sewwa, l-Oppożizzjoni issa qed taqbel magħha dwar il-mod kif qed nagħmlu mekkaniżmu li jibbilanċja, jidħol fis-seħħ u jgħin biex jattira aktar nisa”.

Hawnhekk semma kif ir-raba’ edizzjoni tal-programm LEAD kienet suċċess, u dan żgur se jikkontribwixxi għall-kandidatura tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend