Eċċitati u sodisfatti bis-sħubija ma’ Manchester United – One News

Notifiki

Eċċitati u sodisfatti bis-sħubija ma’ Manchester United

Il-ftehim storiku li jara lil pajjiżna jkun destinazzjoni uffiċjali tal-club ta’ Manchester United niżlet għasel mas-sapporters Maltin ta’ dan il-klabb. 

Fi żjara ġewwa l-klabb tas-sapporters Maltin f’Santa Venera qabel il-logħba tal-United kontra Leicester City, is-sapporters li tkellimna magħhom ma’ kellhom xejn għajr kliem ta’ tifħir għal dan it-tragward li laħaq pajjiżna.

Wieħed mis-sapporters qalilna: “Li Malta ħa tkun fuq il-vetrina ta’ daqstant nies, qed nitkellmu fuq club li għandu iktar minn biljun sapporter ovvjament hija xi ħaġa eċċitanti”.

Huwa tenna “Hija xi ħaġa inkredibbli u meta jaraw il-United da mhux Malta biss jew l-Ingilterra jiġifieri madwar id-dinja kollha meta ssemmi China, l-Asja da kollu isem tajjeb fejn jidħol tajjeb bħala pajjiż”.

Sentiment espress ukoll mill-President tal-klabb tas-sapporters, Joseph Tedesco.

Joseph Tedesco, il-President tal-Manchester United supporters Club Malta stqar qed iħoss “Ferħ ma nistax niddeskrevih għaliex din hija storja għal pajjiż u għas-sapporters club. F’Malta għandna l-eqdem supporters club tal-Manchester United li jeżisti fid-dinja, relazzjoni ta’ 60 sena li ilha sejra ma’ dan il-club popolari, li issa inbidlet f’opportunità li jista’ jkollha orizzonti ġodda”.

F’din l-ewwel partita minn mindu tħabbret is-sħubija mar-Red Devils, żar il-klabb il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi fejn tkellem mal-partitarji dwar l-effetti ta’ din is-sħubija ma’ Manchester United kemm għas-sapporters kif ukoll għal pajjiżna.

Intant tul il-logħba kontra l-Foxes, deher l-ewwel riklamar tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Old Trafford quddiem udjenza ta’ miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend