L-Air Malta għaddejja b’investigazzjoni wara li 12-il pilota tal-Air Malta li kienu skedati biex jidħlu xogħol illum irrapportaw li ma jifilħux.
Żvela dan il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi waqt il-wasla tat-tielet ajruplan ġdid tal-Air Malta.
Il-Ministru Mizzi spjega li filwaqt li l-maġġoranza tal-impjegati jaħdmu bla heda għall-kumpanija, dan l-aġir iqajjem tħassib.
Fil-fatt l-Air Malta ilha għal din l-aħħar ġimgħa taffaċja problemi b’ammont qawwi ta’ piloti jirrapportaw li ma jifilħux, bil-konsegwenza li ġew affettwati numru ta’ titjiriet.
Kemm il-Ministru Mizzi kif ukoll iċ-chairman tal-Air Malta Charles Mangion appellaw lill-unjin tal-bdoti l-ALPA sabiex jagħlqu n-negozjati dwar ftehim ġdid. In-Nutar Mangion spjega li l-ftehim huwa lest biex jiġi ffirmat u kull ma jonqos hu l-firma tal-ALPA u tal-Air Malta.