L-għada li ġie ssiġġillat ftehim storiku bejn Malta u Manchester United, is-Sibt filgħodu l-linja tal-ajru nazzjonali tal-ajru Air Malta uffiċjalment laqgħet ajruplan ġdid ieħor tat-tip Airbus A320neo, ftit tal-ħin qabel titjira lejn Londra.
Dan huwa t-tieni ajurplan ġdid għall-Air Malta dan is-sajf wara li fi ftit tal-ġimgħat ilu kien wasal ajruplan ieħor ta’ dan it-tip, biex issa telgħu għal tlieta n-numru ta’ ajruplani ta’ dan it-tip.
L-ewwel titjira b’dan l-ajruplan kienet dik lejn l-ajruport ta’ Frankfurt il-Ħamis li għadda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta l-Kaptan Clifford Chetcuti spjega li f’dan l-ajruplan saret enfasi li jiżdied l-ispazju fil-kabina għall-passiġġier kollha.
Il-kaptan spjega wkoll li dan l-ajruplan huwa l-ewwel wieħed fil-flotta mgħammar bl-infrastruttura tal-wi-fi abbord, li se jibda jkun disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin. Dan filwaqt li hemm tagħmir biex wieħed jiċċarġja l-aġġeġġi personali.
Iċ-chairman tal-Air Malta n-Nutar Charles Mangion sostna li l-Air Malta s-sena li għaddiet bdiet pjan biex sal-2022 tinvesti f’ajruplani ġodda li fost l-oħrajn jnaqqsu b’mod effettiv l-ispejjeż tal-operat.
Il-Ministru għat-Turizmu Konrad Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu u qal li s-sena d-dieħla se tkompli l-qalba tal-flotta lejn din il-familja ta’ ajruplani, f’pass ieħor tat-tkabbir tal-linja tal-ajru Maltija.
Fakkar ukoll fil-mira li l-Air Malta tibda lejn destinazzjonijiet barra mill-Ewropa bħal Mumbai u New York.
Madanakollu, huwa wissa li biex dan iseħħ hemm bżonn paċi industrijali mal-unjins kollha.
Fid-dawl tal-kwistjoni mal-unjin tal-bdoti l-ALPA dwar it-talba tagħha ta’ seba’ mitt elf ewro għal kull bdot, il-Ministru Mizzi tenna li din it-talba m’ijiex aċċettabbli.
Fisser li jekk minħabba din il-kwistjoni l-Air Malta ma tkunx tista’ topera titjiriet lejn postijiet iktar imbiegħda, il-gvern se jesplora possibilitajiet li dawn it-titjiriet ikunu operati minn kumpaniji oħra.