BIL-FILMAT: Ħu żewġt aħwa li mietu b’sajjetta jirrakkonta dak li ra quddiem għajnejh – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Ħu żewġt aħwa li mietu b’sajjetta jirrakkonta dak li ra quddiem għajnejh

Wieħed u sittin sena ilu nħasdet il-ħajja ta’ Fredu u Karmenu Spiteri.
Żewġt aħwa żgħażagħ minn Ħal Luqa li dak iż-żmien kellhom sbatax u wieħed u għoxrin sena, u li ltaqgħu mal-mewt għall-għarrieda b’sajjetta fl-ewwel maltempata tal-istaġun.

Ħuhom Leli jirrakonta x’ġara f’dik li kellha tkun ġurnata bħall-oħrajn, meta flimkien ma’ missierhom u zijuhom, il-ħamest aħwa subien ħarġu għall-kaċċa.

Qal kif “Meta saru xil-ħamsa u nofs, is-sitta, kien hemm sħaba bdiet tikber u tberraq u triegħed u z-ziju qalilna għax ma mmorrux għax ġej il-maltemp?”

Bis-senter ta’ ħuh il-kbir f’idejh – li minkejja li għaddew aktar minn sittin sena, għadu jikkarga sal-lum – l-iżgħar mill-aħwa spjega li dan kien ilu biss għand ħuh ġimagħtejn.

Spjega kif “Għaddejna minn ġo għalqa jgħidula tan-Nawxa u fost is-sajjetta li għamlu, għax il-ħin kollu jberraq u jriegħed, għamlet dis-sajjetta jgħidu li niżlet għall-azzar tal-kanna, u wieħed miet ’l hawn u wieħed miet ’l hemm.”

Minkejja li s-sajjetta kienet qawwija tant li temmet il-ħajja taż-żewġt aħwa fuq il-post, l-apparat tal-kaċċa li kellhom magħhom, għadu tajjeb sal-lum.

Qal li “Iċ-ċinturin li jkun marbut ma’ qaddek fejn għandek ir-ramm, iwweldja minn hawn s’hawn, jiġifieri s-sajjetta wweldjatu.”

B’ċertu dettall, ħu l-vittmi jispjega x-xena li segwiet wara li ra lil ħutu mixħutin mal-art.

Sostna li “Ġiet l-ambulanza ġie wieħed Ġużi l-Purtinar minn Ħal Luqa, ġabilhom xi kutri u għattihom bihom, għax mejtin mejtin. Ilhom mejtin wieħed u sittin sena kieku llum anzjani.”

Aktar minn sittin sena wara, hija plakka fi triq siekta mdawra bir-raba’ u bl-għelieqi li tfakkar il-memorja taż-żewġ żgħażagħ li ħajjithom intemmet f’qasir il-għomor.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend