Titnieda l-erbatax -il edizzjoni tal-‘Qala International Folk Festival’ – One News

Notifiki

Titnieda l-erbatax -il edizzjoni tal-‘Qala International Folk Festival’

Saret it-tnedija tal-erbatax-il edizzjoni tal-‘Qala International Folk Festival’ li għaliha attendiet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, flimkien mas-Sindku tal-lokalità tal-Qala Paul Buttiġieġ u l-Kunsilliera.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana stqarret kif, għal sena oħra, il-Qala ser tkun iċ-ċentru tal-attrazzjoni folkloristika għal dawk li ser ikunu qed iżuru lill-gżira Għawdxija fit-tmiem il-ġimgħa.  Il-Ministru Justyne Caruana  tkellmet dwar kif il-Ministeru għal Għawdex għandu d-dmir li juri u jikkonkretizza l-impenn tiegħu fir-rigward ta’ preservazzjoni tal-identità tradizzjonali tiegħu, li tinkorpora fiha kultura, tradizzjonijiet, kif ukoll karrateristiċi li jagħmluna Għawdxin.

Il-Ministru kompliet tgħid li dan l-avveniment annwali fil-Qala sar punt ta’ referenza għal bosta persuni li jattendu għalih, u li lkoll kemm aħna jeħodna lura fiż-żminijiet fejn inġeddu u nkomplu ngħożżu dawn id-drawwiet tant importanti għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Hi qalet li l-attivitajiet li ġew organizzati matul is-sajf ħallew impatt pożittiv, kemm fuq dawk li kienu fostna, kif ukoll fuq l-andament ekonomiku tal-gżira Għawdxija, ghaliex qed naraw tkabbir ekonomiku bla preċedent f’Għawdex.

Il-Ministru Justyne Caruana kkonkludiet billi rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Qala kif ukoll lill-Qala Menħir Folk Group għall-impenn tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività, filwaqt li sostniet kemm huwa importanti li l-Ministeru mmexxi minnha jibqa’ ta’ spalla, kemm finanzjarjament kif ukoll soċjalment, għall-attivitajiet li jiġu organizzati madwar Għawdex kollu.

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttiġieġ filwaqt li rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex tas-sostenn finanzjarju biex dan il-festival ikun jista’ jsir, irringrazzja ukoll lill-entitajiet privati li ta’ kull sena juru fiduċja f’dan il-proġett. Is-Sindku Buttiġieġ stieden lil kulħadd biex jattendi għal dawn it-tlett ijiem ta’ spettaklu folkloristiku fil-misraħ ewlieni tal-Qala.

Il-‘Qala International Folk Festival’ ser isir fit-tmiem il-ġimgħa d-dieħla bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru fil-pjazza tal-Qala.  Ta’ min ifakkar li din l-attività hija l-kulminu ta’ kullana ta’ attivitajiet li qed isiru bis-sapport tal-Ministeru għal Għawdex, li għalihom attendew eluf ta’ persuni matul dawn l-aħħar xhur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend