B’nefqa ta’ €2.1 miljun l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja se jkollhom laptop – One News

B’nefqa ta’ €2.1 miljun l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja se jkollhom laptop

Il-korp edukattiv kollu jiġifieri mhux biss l-għalliema iżda anki l-learning support educators u l-kindergarten assistants fl-iskejjel tal-Knisja se jkollhom laptop bħala għodda teknoloġika għat-tagħlim interattiv.

Dan ifisser li l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja se jkunu bħal dawk tal-istat biex b’hekk jingħata servizz aħjar lill-istudenti.

Dan qed isir b’investiment tal-Gvern ta’ żewġ miljun u mitt elf ewro.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Carmelo Abela qal li dan huwa ftehim li juri r-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li jeżistu bejn l-istat u l-Knisja.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo rrimarka li l-Gvern irid jagħti sinjal li l-edukazzjoni kompluta trid tingħata lil kulħadd.

Fl-istess konferenza tkellem in-Nunzju Appostoliku f’Malta Monsinjur Alessandro D’Ericco li fisser kif il-koperazzjoni tal-Gvern Malti hija waħda imprezzabli.

Miegħu ngħaqad l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna li fisser kif dwar din il-materja tal-laptops għall-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja ħa interess partikolari fiha l-Prim Ministru innifsu.

Din il-miżura tal-Gvern li jipprovdi l-laptops b’xejn għall-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Knisja ssegwi miżuri oħra fosthom tat-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja.

Filfatt is-sena skolastika l-ġdida li se tibda inqas minn ġimagħtejn oħra se tara mitejn u erbgħin operatur tat-trasport joffru s-servizz għall-iskejjel indipendenti u tal-knisja.

Dan meta dan is-servizz beda bi tmintax-il operatur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend