FILMAT: żagħżugħ ta’ 25 sena jitlef ħajtu fi traġedja fl-Aħrax tal-Mellieħa – One News

Notifiki

FILMAT: żagħżugħ ta’ 25 sena jitlef ħajtu fi traġedja fl-Aħrax tal-Mellieħa

Avventura ta’ tliet żgħażagħ inbidlet f’tebqa’ t’għajna f’diżgrazzja wara li wieħed minnhom tilef ħajtu meta sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, meta ż-żgħażagħ ta’ ħamsa u għoxrin sena mill-Kolombja sab ruħu f’diffikultà fl-Aħrax tal-Mellieħa fiż-żona magħrufa bħala Coral Lagoon.

Xhieda fuq il-post qalu ma’ ONE NEWS li x’aktarx il-vittma ma kienx jaf jgħum waqt li t-tnejn l-oħra ħelsuha minn ħalq il-mewt wara li ggranfaw mal-blat.

Immedjatament fuq il-post bdiet tfittxija għall-vittma minn bosta suldati tal-Armata, ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u voluntera tas-soċjetà tas-Salib l-Aħmar.

L-operazzjoni ta’ salvataġġ damet ftit minuti bil-katavru taż-żagħżugħ jintlemaħ f’qiegħ il-baħar minn ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-katavru ttella’ l-art wara li niżlu jgħoddsu għalih bugħaddasa tal-Armata. Kif tistgħu taraw mill-filmati, il-vittma ttella’ fuq Patrol Boat tal-Armata u ddaħħal fiċ-Ċirkewwa. Iż-żewġ żgħażagħ l-oħra ttellgħu l-art mis-suldati tal-Armata permezz ta’ ħelikopter.

Fuq il-post kien hemm ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei mgħejjun mit-tabib tal-emerġenza Michael Spiteri.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġisrat tal-Għassa li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.

Filmati u ritratti: Kyle Mifsud

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend