Malta tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL u tikkommetti ruħha għal pjan ta’ implimentazzjoni – One News

Notifiki

Malta tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL u tikkommetti ruħha għal pjan ta’ implimentazzjoni

Il-Gvern laqa’ r-rapport ta’ evalwazzjoni ppubblikat mill-Kumitat tal-Kunsill Ewropew, il-MONEYVAL b’rabta mal-effettività li għandha Malta fl-isfida globali li tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. 

Fi stqarrija konġunta, il-Ministri Edward Scicluna, Michael Farrugia, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlametnari Silvio Schembri, tennew li l-Gvern huwa impenjat li jimplimenta t-58 rakkomandazzjonijiet li ġew ippubblikati.

Dan ir-rapport tfassal wara evalwazzjoni li saret f’Novembru tas-sena li għaddiet.

Fi stqarrija, ngħad li flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-awtoritajiet kompetenti f’Malta, il-Gvern jinsab sodisfatt bil-progress li nkiseb fil-pjan ta’ azzjoni mill-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu fuq medda ta’ snin.

Il-kumitat magħmul minn bosta uffiċjali governattivi twaqqaf f’April tas-sena li għaddiet biex jimplimenta strateġija nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Il-Gvern ħabbar li dan il-kumitat flimkien ma’ 20 istituzzjoni kompetenti Maltin oħra se jfasslu pjan ta’ azzjoni mifrux fuq sena biex jimplimentaw it-58 rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL.

Qal li kull rakkomandazzjoni li saret se tiġi fdata lil istituzzjoni kompetenti li f’perjodu stabbilit trid tara li timplimenta l-pjan ta’ azzjoni propost.

Tenna li kull istituzzjoni se tkun mgħammra bir-riżorsi meħtieġa inklużi appoġġ u pariri mill-esperti.

Il-Gvern sostna li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jikkumplimentaw il-miżuri fil-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika li tfassal wara evalwazzjoni li twettqet fl-2017 li minnhom diġà ġew implimentati 35%.

Intant dan ir-rapport isegwi evalwazzjoni li għamel l-Istitut għall-Governanza f’Bażel li kklassifikaw lil Malta bħala ġuriżdizzjoni b’riskju baxx għall-ħasil tal-flus u għall-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Il-Gvern sostna li dan jiċċertifika li l-kwistjonijiet f’Malta jistgħu jiġu indirizzati b’tali mod li jkunu suċċess; l-aktar bir-riformi li qegħdin isiru sabiex isaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u ta’ infurzar tal-liġi.

Saħaq li Malta hija kommessa li tgħin fil-ġlieda dinjija kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u tilqa’ kull għarfien li sar s’issa b’rabta mal-ħidma li qed titwettaq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend