“MA stajtx nifhem xi jrid jgħid biha li hija tifel” – One News

Notifiki

“MA stajtx nifhem xi jrid jgħid biha li hija tifel”

Kien xokk kbir, ma stajtx nifhem xi trid tgħid biha. Dawn kienu l-ewwel sentimenti ta’ Ruth Micallef, omm li ftit tas-snin ilu għaddiet mill-esperjenza fejn binha qalilha li huwa persuna trans. 

Micallef stqarret li “Kif bdiet l-esperjenza ovvjament għall-ewwel ikun xokk  kbir, ma stajtx nifhem xi jrid jgħid biha għax ovjament il-ġenerazzjoni tiegħi mhix daqshekk komuni, ovjament bdejt ngħid xi trid tgħid biha qed tħossha li hija tifel”.

Ruth qalet li huwa importanti ħafna li l-ġenituri jfittxu l-għajnuna biex ikunu jistgħu jifhmu lil uliedhom. Tenniet li s-sostenn tal-ġenituri huwa kruċjali.

Hi tenniet li “Ħafna importanti għax ovjament aħna lilhom ħa nagħtuhom għajnuna kbira aħna, jekk huma mhux se jħossuhom komdi d-dar m’huma se jħossuhom komdi mkien. bħala ġenituri nġibuhom fid-dinja imma mbagħad irridu ngħinuhom jgħixu ħajjithom”.

Minkejja li ħafna jistgħu isibuha bi tqila biex jifhmu minn xiex ikunu għaddejjin minnu t-tfal, hija spjegat li kulħadd irid ipoġġi lilu nnifsu fis-sitwazzjoni tagħhom u jagħti l-ġenb perċezzjonijet antiki li jista’ jkollu.

“Issa jekk aħna se noqogħdu nirribellaw kontrihom dawn se jagħmlu xi ħaġa li ma nixtiquhiex. Dawn ikollhom ukoll ħsibijiet ħżiena bħal suwiċidju jew li ma rridux ngħixu aktar. Irridu npoġġi kieku aħna. kieku jiena, jiena komda ħafna bħala mara kieku jien ġejt f’ġisem ta’ raġel kif ħa nħossni ma naħsibx li nkun komda għax inti min inti min inti ġewwa mhux inti min inti barra”, sostniet l-omm.

Lil Ruth iltqajna magħha wara li ġie ffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni Maltija għall-Ħarsien tas-Soċjetà u l-Malta Gay Right Movement.

Bħalissa din il-fondazzjoni qed tlaqqa’ fi ħdanha r-Rainbow Families Network fejn familji ta’ persuni LGBTIQ+ jiltaqgħu u jkunu jistgħu jgħinu lil-xulxin fid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

Minkejja il-qabża ‘l quddiem li saret fl-aħħar snin favur persuni LGBTIQ+, Ruth qalet li fid-dinja ta’ kuljum hija bħala omm xorta tiltaqa ma’ sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja fil-konfront tagħha u ta’ binha.

Micallef temmet tgħid li “Hawn ħafna min ma jifhimx x’inhi s-sitwazjzoni bħal anki nies tal-familja, jgħidulek din gay, le m’għandux x’jaqsam. li tkun gay huwa ħaġa u li tkun trans huwa kompletament ħaġa oħra. Però kien hemm anki każijiet fuq xogħol fejn klijenti jitkerrħulek naqra għax jgħidulek din waħda minn dawn, jew min ma jifhmekx jgħidlek qed tgħinha ssir tifel, mhux il-każ, assolutament mhux il-każ”.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend