Il-Partit Soċjalista Ewropew b’laqgħat f’Malta – One News

Notifiki

Il-Partit Soċjalista Ewropew b’laqgħat f’Malta

Il-Partit Soċjalista Ewropew laqqa’ f’Malta n-network tiegħu dwar l-immigrazzjoni. 

Tul il-jum tal-Erbgħa delegati minn pajjiżi differenti ddiskutew fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-isfidi marbuta ma’ dan is-settur, b’enfasi partikolari fuq it-tfal li jgħaddu minn din ir-realtà diffiċli.

Intqal kif Malta, bħal pajjiżi oħra fil-fruntiera, dejjem tkun fiċ-ċentru tal-aħbarijiet u kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li din il-laqgħa ssir proprju f’pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, spjega kif din il-laqgħa hija sinjal ieħor ta’ apprezzament lejn il-politika tal-Partit Laburista u l-Gvern Malti fis-settur.

De Battista stqarr li “Huwa sinjal ta’ fiduċja fil-Partit Laburista u l-Gvern Malti li ħareġ b’soluzzjonijiet, il-Prim Ministru minkejja li lmenta ħareġ b’soluzzjonijiet għaldaqstant huwa sinifikanti li dawn il-laqgħat isiru Malta”.

Tul il-laqgħa, li fiha ħa sehem ukoll is-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja, intbagħat il-messaġġ li filwaqt li Malta qatt ma skartat l-obbligi tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha tifhem li ma jistgħux jkunu ftit il-pajjiżi li jkunu parti mis-soluzzjoni.

Randolph De Battista temm jgħid li t-triq ‘il quddiem tibqa’ li l-Partit Laburista jibqa’ sieħeb importanti mal-mejda tad-diskussjonijiet.

“Fi kwistjoni tant sensittiva ma tistax tkun iżolat u l-poplu Malti jippretendi li l-Gvern ikun fuq quddiem biex jitkellem dwar l-isfidi, u mill-kliem ngħaddu għall-fatti”, temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend