F’sena 200,000 pazjent għamlu użu miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkop – One News

Notifiki

F’sena 200,000 pazjent għamlu użu miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkop

L-impenn tal-Gvern sabiex iwassal is-servizzi tas-saħħa fil-komunità qiegħed iħalli l-frott hekk kif f’sena mindu nfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Kirkop, madwar 200,000 pazjent diġà żaruh u nqdew minnu. 

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li elenka numru sostanzjali ta’ proġetti u pjani fis-seħħ sabiex tintlaħaq din il-mira tal-Gvern.

Huwa spjega servizzi li ngħataw il-pazjenti f’din l-ewwel sena mindu ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop fetaħ il-bibien tiegħu.

Il-Ministru Fearne sostna li “Inqdew minn ġo fih 200,000 elf klijent. 200,000 pazjent li ħadu s-servizz tagħhom ġewwa Ħal Kirkop. 180,000 mingħand it-tobba l-kumplament mingħand servizzi speċjaliżżati bħalma huma fiżjoterapija, bħalma huma l-mental health, bħalma huma s-servizzi tad-dijabetè”.

Il-Ministru Fearne semma x-xogħol intensiv li għadda fiċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex u ċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal il-Ġdid.

Dan flimkien ma’ sejħa ta’ interess sabiex il-Gvern ikollu binja ddedikata għal ċentru reġjonali ieħor fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Spjega kif dan kollu flimkien ma proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ Ċentri tas-Saħħa f’lokalitajiet oħra b’investiment ta’ 10 miljun ewro, huma parti mill-mira tal-Gvern li fi żmien tliet snin kull belt u raħal ikollhom iċ-ċentru tas-saħħa tagħhom.

Il-Ministru Fearne sostna li “Għandna pjan ambizzjuż ħafna li fuq medda ta’ 3 snin ikollna ċentru tas-saħħa ġo kull belt u raħal f’Malta u Għawdex”.

Bħala parti minn dan il-pjan il-Ministru Fearne ħabbar li fix-xhur li ġejjin se jinfetħu ċentri f’Ħaż Żabbar, il-Mellieħa, Marsaxlokk, il-Belt, il-Birgu, il-Ħamrun u l-Kalkara.

Dr Fearne spjega wkoll kif hemm programm biex is-servizzi tas-saħħa jibqgħu jiżdiedu bħal-servizz tal-podratija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara u servizzi tal-GU Clinic fil-komunitá.

Dan filwaqt li ‘l quddiem ser titnieda wkoll sistema tat-teknoloġija tal-informatika li tintegra s-servizzi taċ-ċentri tas-saħħa kollha li ser jinqasmu madwar Malta u Ghawdex bil-għan li titjieb is-sinerġija u l-aċċessibilità bejniethom għal gwadann tal-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend