Armin Van Buuren idoqq diska Maltija waqt il-programm tiegħu – One News

Notifiki

Armin Van Buuren idoqq diska Maltija waqt il-programm tiegħu

Li d-diska tiegħek tindaqq waqt il-programm A State of Trance tad-DJ famuż madwar id-dinja kollha Armin Van Buuren bla dubju huwa mument ta’ sodisfazzjon kbir għal min ikun ipproduċa d-diska. 

Dan huwa s-sentiment tad-duo Malti New Even, hekk kif waqt il-programm tad-DJ Olandiż li xxandar il-Ħamis li għadda, indaqqet id-diska l-ġdida tagħhom bl-isem ta’ Orange Blue.

F’kummenti ma’ One News, Renè Brincat u Ernest Ciantar, iż-żewġ persuni li jiffurmaw New Even, iddeskrivew il-mument li ndaqqet id-diska tagħhom bħala wieħed ta’ tragward importanti fil-karriera tagħhom bħala ‘music producers’.

Id-diska Orange Blue hija inspirata mill-inżul ix-xemx Sajfi ta’ Malta, u tinkorpora il-ħsejjes elementari li wieħed isib f’diska li hija purament trance. Bil-vuċi tal-kantanta Maltija Talitha, Orange Blue tikkonsisti wkoll minn vuċijiet anġeliċi, li jikkumplimentaw il-mument perfett meta persuna għażiża għal qalbek tgħanqek waqt li ħarstek tkun lejn inżul ix-xemx.

Lura fl-2006, Renè Brincat u Ernest Ciantar, li huma fluwenti fil-mużika klassika, għaqqdu t-talenti tagħhom bl-intenzjoni li joħolqu ħsejjes innovattivi influwenzati mill-mużika progressiva u trance.

Il-produzzjoni tal-mużika għall-ewwel kienet sempliċiment passatemp, iżda din bdiet tittieħed b’iktar serjetà meta rċivew rispons pożittiv ħafna mill-istazzjonijiet lokali tar-radju għall-ewwel diska tagħhom li ħarġet fl-2007.

Mill-isem RE-NE’ & ER, huma mbidlu għal New Even, fejn wara diversi snin ta’ ħidma fl-istudjow tagħhom, ħarġu diski ma’ diversi record labels formidabbli, fosthom ICONYC Noir, Blue Soho Recordings, CloudLand Music, Trance Temple Records u Exia Recordings.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend