ARA: X’inhuma l-isfidi tat-tfal fl-immigrazzjoni – One News

ARA: X’inhuma l-isfidi tat-tfal fl-immigrazzjoni

Diskussjoni pubblika dwar l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ tfal fl-immigrazzjoni kellha l-messaġġ li t-tfal kollha għandhom ikunu stmati b’dinjità. 

Fl-istess ħin bosta kelliema saħqu kif quddiem il-fenomenu tal-immigrazzjoni huma meħtieġa soluzzjonijiet globali.

Id-diskussjoni organizzata mill-Partit Laburista u l-Partit Soċjalista Ewropew, tmexxiet mill-uffiċjal tal-ugwaljanza tal-Partit Laburista, Paula Cauchi.

Fiha ħadu sehem Membri tal-Parlament Ewropew, uffiċjali ta’ aġenziji li jaħdmu mal-persuni vulnerabbli u għaqdiet mhux governattivi.

Marije Laffeber, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Partit Soċjalista Ewropew stqarret “What we are trying to build is to have more undersanding. Because we are talking about human beings”.

Il-Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, l-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli tenniet li jekk irridu nindirizzaw din l-isfida rridu mmorru lil hinn minn politika ta’ pajjiż kontra ieħor.

Fl-istess ħin għamlet numru ta’ proposti b’rabta mat-tfal fl-immigrazzjoni.

Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia, tkellem dwar il-problema li ħafna jgħidu li huma minuri u ma jkunux u qal li l-awtoritajiet iridu jindirizzawha.

Il-Ministru Farrugia tkellem kif pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem fi proċessi ta’ rilokazzjoni huma xettiċi li jirrilokaw minuri. Qal li hu diżappuntat b’dan u jrid jara pajjiżi Ewropew juru iktar solidarjetà f’dan is-sens.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti u Ann Marie Pisani mill-aġenzija għall-ħarsien ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil taw preżentazzjonijiet dettaljati dwar is-sehem li tati Malta. Fissru wkoll il-mod kif pajjiżna jilqa’ u jaħdem ma’ tfal li jkunu għaddew mit-trawma tal-immigrazzjoni.

Il-kelliema għarfu s-sehem ta’ Malta, għalkemm saħqu fuq il-ħtieġa ta’ politika fuq livell Ewropew u mhux sparpaljata fejn pajjiżi differenti jadottaw politika differenti.

Laffaber kellha kummenti ta’ sodisfazzon dwar il-laqgħat f’Malta.

Hi sostniet li “What we believe that there would be more solidarity in Europe. This is also the agenda of progressives in Europe, PES & S&D. We believe that countries like Malta cannot solve the problem of the entire European Union”.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-ugwaljanza, Edward Zammit Lewis, sostna li rridu nipprovdu rispons komprensiv u spjega fid-dettall il-ħidma tad-direttorat tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Ministru Zammit Lewis tkellem dwar il-bżonn li l-immigranti jitgħallmu dwar il-kultura u l-valuri tal-pajjiż u temm jgħid kif huma diversi l-entitajiet li jagħmlu ħidma f’dan ir-rigward.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend