Malta l-ewwel fid-dinja fil-prijojità tal-Gvern għat-Turiżmu – One News

Notifiki

Malta l-ewwel fid-dinja fil-prijojità tal-Gvern għat-Turiżmu

Rapport riċenti tal-Forum Ekonomiku Dinji kklassifika lil Malta l-ewwel fid-dinja dwar il-prijorità li jagħtu l-gvernijiet fl-industrija tat-turiżmu.  

F’intervista ma’ ONE NEWS, l-ekonomista Steve Ellul sostna li dan ir-rapport huwa xhieda li l-aptit tal-investituri għal investimenti marbuta mat-turiżmu lokali huwa b’saħħtu.

Hu stqarr li “Malta tiġi l-ewwel waħda fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam il-prijorità tal-Gvern fl-industrija tat-turiżmu. Huwa wkoll riflessjoni ta’ sentiment pożittiv ħafna li ninsabu wkoll fuq il-borża ta’ Malta dawk il-kumpanija li huma involuti f’dan il-qasam tat-turiżmu“.

Dan huwa evidenti f’teħid qawwi ta’ bonds ġodda maħruġa mil-lukandi matul is-sena l-oħra flimkien ma’  domanda qawwija għal ishma ta’ kumpaniji relatati mal-industrija tat-turiżmu fil-Borża ta’ Malta.

Ellul sostna li l-Investituri għandhom tendenza li jfittxu tkabbir sostenibbli f’din l-industrija.

Huwa sostna li “Dan ifisser li l-andament u anke l-ottimiżmu f’dak li għandu x’jaqsam l-investitur lokali huwa wieħed pożittiv ħafna, ifisser li hemm il-kapital anke fis-setturi privat li jrid proġetti anke f’dak li għandu x’jaqsam it-turiżmu u jrid proġetti li għandhom x’jaqsmu mat-turiżmu li huma sostenbbili”.

L-ekonomista sostna wkoll li minħabba l-importanza tagħha għall-ekonomija lokali, l-industrija tat-turiżmu Maltija tibbenefika minn sostenn qawwi mill-gvern li tappoġġja ħafna.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend