“Jekk nagħmel l-istess xogħol ħaqqni l-istess dħul”- Josianne Cutajar – One News

Notifiki

“Jekk nagħmel l-istess xogħol ħaqqni l-istess dħul”- Josianne Cutajar

Fi stqarrija l-Membru Parlamentari Ewropew, Josianne Cutajar stqarret li “Mhux aċċettabbli li ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol ikollhom dħul u kundizzjonijiet differenti” – dan enfasizzatu l-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Josianne Cutajar, meta tkellmet dwar ir-realtà ta’ ħafna ħaddiema, li minħabba li huma impjegati ma’ kuntrattur, ma jibbenefikawx mill-istess kundizzjonijiet li jgawdu ħaddiema direttament impjegati mal-kumpanija, li jagħmlu l-istess kwalità ta’ xogħol fl-istess post tax-xogħol. 

Il-Membru Parlamentari Ewropew qajmet dan il-punt meta l-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi ltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej (ETUC), Luca Visentini.

Cutajar fissret kif ir-realtà ta’ dawn in-nies ma tikkonformax mal-prinċipju tal-ugwaljanza. Hija fakkret ukoll fil-prinċipju stabbilit Ewropew ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Pajjiżna diġà għadda liġijiet f’dan ir-rigward biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm distinzjoni fil-ħlas u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn mara u raġel li jwettqu l-istess xogħol, u bħalissa qiegħed jesplora kif dawn il-liġijiet jistgħu jiġu infurzati bl-aħjar mod.

“Wasal iż-żmien li nwessgħu l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju biex nindirizzaw sitwazzjonijiet oħra ta’ trattament differenzjat,” saħqet Cutajar. Trattament li fi kliemha kapaċi jtellef mill-armonija fuq il-post tax-xogħol, li ġġib magħha nuqqas ta’ produttività.

Fid-dawl ta’ Kummissjoni Ewropea ġdida, Cutajar staqsiet jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex ikollha strateġija komuni biex din ir-realtà fis-suq tax-xogħol tiġi indirizzata.

Visentini ngħaqad ma’ Cutajar f’dan l-appell, u żied jgħid li din hija emerġenza fl-Ewropa, l-aktar meta tqis li l-ħaddiema b’kuntratti temporanji jammontaw għal bejn 20% u 25% ta’ ħafna swieq tax-xogħol Ewropej. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea trid tkompli tibni fuq id-Direttiva tad-Drittijiet tal-Ħaddiema, sabiex dawn il-ħaddiema li llum m’għandhomx aċċess għal ftehim kollettiv u drittijiet bażiċi oħra, jingħataw ħlas sħiħ kif inhu ġust, u jkunu f’qagħda li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u fiskali b’mod regolari wkoll.

“Wara kull ħaddiem, hemm familja u hemm bżonnijiet partikolari. Għalhekk mhuwiex aċċettabbli li persuna li tkun qed tagħti servizz daqs ħaddieħor fl-istess post tax-xogħol tiġi trattata b’mod differenti,” qalet Cutajar.

Cutajar faħħret il-ħidma tal-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, li fl-ewwel xhur tiegħu fil-kariga beda jfittex mezzi biex każijiet ta’ trattament differenzjat bejn ħaddiema li jwettqu xogħol tal-istess valur, jiġu indirizzati.

It-trasparenza tal-pagi flimkien mal-infurzar huma kruċjali, qalet Josianne Cutajar, kemm biex nassiguraw li min iħaddem ma jagħmilx distinzjoni fuq bażi ta’ ġeneru, imma fuq kollox biex jiġi evitat l-isfruttament ta’ kwalunkwe ħaddiem.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend