Bdot jittardja titjira tal-Air Malta għax mar jixtri l-fjuri – One News

Notifiki

Bdot jittardja titjira tal-Air Malta għax mar jixtri l-fjuri

Mijiet ta’ passiġġieri tal-linja tal-ajru tal-Air Malta kellhom jistennew ħin twil fl-ajruport wara li bdot tal-Air Malta li ngħata struzzjonijiet biex jiġi lura Malta biex jgħabbihom għall-Palermo mar jixtri l-fjuri minn ħanut f’ajruport f’Amsterdam. 

It-Tnejn li għadda, mijiet ta’ passiġġieri li kellhom itiru lejn Palermo baqgħu l-art wara li titjira tal-Air Malta lejn Palermo ttardjat b’aktar minn 19-il siegħa.

It-titjira lejn Palermo kienet skedata li titlaq minn Malta fil-5.30 a.m. iżda ġiet posposta għall-10.00 p.m. Dan wara li wieħed mill-ajruplani tal-Air Malta ntlaqat minn sajjetta u għalhekk ma setax itir qabel isiru l-kontrolli meħtieġa. Dan minbarra livell straordinarju ta’ persuni li rrapportaw li kienu ma jifilħux.

Madankollu, il-ġurnal MaltaToday żvela li t-titjira tal-10.00 p.m. lanqas ma telqet fil-ħin skedat. Dan għax il-pjan tal-Air Malta li ġġib it-titjira tagħha minn Amsterdam lejn Malta malajr kemm jista’ jkun, sfratta minħabba li l-ekwipaġġ injora l-istruzzjonijiet tal-kumpanija.

It-titjira tal-Air Malta minn Amsterdam kellha titlaq minn Malta fis-12.40 p.m. tat-Tnejn, iżda mxiet għas-2.00 p.m. biex tkun fil-ħin li l-bdoti tal-Air Malta jkunu jistgħu jissejħu għax-xogħol.

It-titjira telqet nofs siegħa tard u fit-tlieta neqsin għoxrin, il-bdot ingħata struzzjoni biex jniżżel l-ajruplan f’Malta aktar kmieni biex ikun jista’ jgħabbi l-passiġġieri maqbuda f’Malta lejn Palermo.

Is-sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu li l-Air Malta kienet qed tittama li l-ajurplan ikun mill-ġdid fl-ajru fi tliet kwarti mindu jinżel f’Amsterdam.

L-ajruplan niżel fl-ajruport ta’ Schiphol fil-5.36 p.m. iżda sas-6.45 p.m. l-ajruplan kien għadu l-art.

Il-ġurnal qal li hawnhekk l-ajruplan l-anqas ingħata l-fjuwil u li l-uffiċjali tal-Air Malta ġew mgħarrfa li l-pilota niżel minn fuq l-ajruplan biex mar jixtri l-fjuri minn ħanut fl-ajruport qabel mal-ajruplan reġa’ beda jingħata l-fjuwil.

Dan wassal biex l-ajruplan telaq minn Amsterdam fit-7.50 p.m. u meta l-ajruplan wasal Malta fl-9.54 p.m. il-pilota ma setax itir lejn Palermo għax dan kien jikser il-limitu ta’ ħin tiegħu li seta’ jtir.

Dan bil-konsegwenza li l-Air Malta kellha ssejjaħ ekwipaġġ u pilota ieħor biex itiru lejn Palermo u għalhekk it-titjira li kienet skedata għall-10.00 p.m. kellha terġa’ tittardja. Fil-fatt it-titjira telqet lejn Palermo fin-12.30 a.m. bi frustrazzjoni kbira għall-passiġġieri.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li dawn is-sitwazzjonijiet qed isseħħu wara li l-Gvern għamilha ċara li ma kienx lest li jagħti garanzija ta’

€700,000 lil kull bdot meta jirtira jew jekk il-kumpanija tfalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend