Kameras għal iżjed infurzar u inqas traffiku – One News

Notifiki

Kameras għal iżjed infurzar u inqas traffiku

Bħalissa madwar sittin kamera mferrxa f’bosta toroq ewlenin f’pajjiżna qegħdin jissorveljaw it-toroq ta’ pajjiżna u li permezz tagħhom uffiċjali fiċ-Ċentru ta’ kontroll ta’ Transport Malta f’Raħal Ġdid ikunu jistgħu jidentifikaw postijiet fejn ikun qed jinġema’ t-traffiku. 

F’konferena tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim bejn  Transport Malta u l-Korp tal-Pulizija fil-preżenza tal-Ministri Ian Borg u Michael Farrugia, tħabbar li l-Pulizija se jkunu jistgħu jużaw dawn il-kameras fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità filwaqt li jgħinu lil uffiċjali tal-awtorità fl-infurzar tal-liġijiet fit-toroq.

Iċ-Ċermen ta’ Transport Malta, Joseph Bugeja spjega kif filwaqt li bħalissa fit-toroq u l-portijiet wieħed isib madwar 80 kamera ta’ sorveljanza, dan in-numru mistenni jitla’ għal-300 kamera.

Huwa stqarr kif dan il-ftehim kompla jibni r-relazzjoni tajba bejn il-korp u l-awtorità.

Se jagħti aċċess dirett lil pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom kemm fuq il-kameras li għandna fuq l-art kif ukoll dawk fuq il-baħar.  Jiġifieri l-aċċess tal-pulizija għal din id-data, għal din l-informazzjoni se tkun immedjata.” Stqarr iċ-ċermen ta’ Transport Malta.

Il-kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar stqarr li dan il-ftehim se jara li tkun imħarsa s-sigurtà tan-nies.

Il-Ministru għall-intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia   saħaq kif permezz ta’ dan il-ftehim il-korp se jkompli jimxi maż-żminijiet u juża l-għodod kollha teknoloġiċi disponibbli fit-toroq sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-Ministru għat-transport Ian Borg spjega li l-għan aħħari ta’ dawn l-kameras huwa  biex jiġu identifikati t-toroq li fihom jinġema’ t-traffiku.

Dawn l-awtoritá qed tagħmilhom sabiex tkun taf x’inhi s-sitwazzjoni fuq it-toroq tagħna kemm nistgħu ngħinu sabiex nindirizzaw bottlenecks, sabiex nieħdu azzjonijiet  biex inmexxu t-trasport pubbliku, nagħtu prijoritá lit-trasport pubbliku.” Saħaq il-Ministru Borg.

Qal li filwaqt li l-kameras se jkunu għodda ġdida għall-korp, qal li qed iħares ’il quddiem biex din is-sistema ta’ kameras tkun utli wkoll għas-sewwieqa kollha.

Illum qegħdin hawnhekk għaliex se ngħadduha lill-pulizija, forsi naslu fi żmien ukoll mhux daqstant ’il bogħod illi din tkun tista’ tgħaddi b’modi differenti permezz ta’ messaġġi u notifiki lill-pubbliku inġenerali wkoll.” Ikkokluda l-Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend