Is-suwiċidji f’Malta jonqsu imma għadhom tabù – One News

Notifiki

Is-suwiċidji f’Malta jonqsu imma għadhom tabù

Fl-aħħar tliet snin is-suwiċidji f’pajjiżna naqsu iżda minkejja dan l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa xorta tqis li s-suwiċidju b’mod globali huwa pjaga tant li persuna kull erbgħin sekonda ttemm ħajjitha.

Fil-jum dinji għall-prevenzjoni tas-suwiċidji xorta jispikka s-sens ta’ tabù fuq dan is-suġġett li bilkemm xi ħadd ilissen kelma fuqu li ma tarax lil xi ħadd jiskot u jipprova jiskarta din ir-realtà.

Dr. Nicholas Briffa, psikologu jgħid li ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn is-suwiċidju bħala tabù.

Jiena nħoss li s-suwiċidju xi ftit jew wisq fis-soċjetà tagħna għadu tabù. Ħadd ma jitkellem fuqu, jekk xi ħadd għadda mis-suwiċidju fil-familja tiegħu jew xi ħadd qrib tiegħu għamel suwiċidju jiddejjaq jitkellem fuqha, jistmerr jitkellem fuqha li kultanti anki aħna fix-xogħol tagħna ċertu nies idumu biex joħorġuha li xi ħadd fil-familja tagħhom wettaq suwiċidju u dan affettwahom.” Stqarr il-psikologu Briffa.

Jisħaq fuq il-kura bikrija bħala att ta’ prevenzjoni għas-suwiċidju.

“Kull persuna li tgħid jew li taqsam magħna li tixtieq itemm il-ħajja tagħha aħna qatt ma nistgħu nieħduha bħala għajta għall-attenzjoni imma għandna minnufih noħduha b’serjetà u kemm jista’ jkun b’mod bikri nressqu ‘l persuna għall-għajnuna professjonali.” Kompla jgħid.

Fil-ħajja aktar mgħaġġla tal-lum, Dr. Briffa jgħid li jeħtieġ nieħdu ħsieb aktar lil xulxin u ninkwetaw fuq xulxin, speċjalment meta naraw bidla fl-imġiba minn lejl għal nhar.

Li l-persuna jafuk b’ismek u li meta jarawk inkwetat, perturbat il-komunità tmur hemm għalik, allura s-solidarjetà u s-sensittività u allura punt li jien nenfasizza huwa li ejja nibdew b’din it-tip ta’ sensittività u b’din it-tip ta’ solidarjetà l-iktar ma’ dawk li aħna naraw, mal-familji tagħna, mal-ħbieb tagħna.” Ikkonkludha l-psikologu.

Dr Briffa jgħid li persuna li tasal biex tikkommetti suwiċidju mhux bilfors misset mal-kura tas-saħħa mentali.

Jgħid li tista’ tfeġġ kriżi għand persuna li għaliha tkun diffiċli biex tiflaħha.

Għalhekk jgħid li persuna għandha dejjem tfittex l-għajnuna anki billi ċċempel 179.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend