Helena Dalli nnominata għal Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza – One News

Notifiki

Helena Dalli nnominata għal Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza

Helena Dalli ġiet innominata għal Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.

Ħabbret dan il-President-eletta tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, hekk kif fil-jum tat-Tlieta von der Leyen ħabbret il-portafolli li se jingħataw lis-27 Kummissarju minn madwar l-Unjoni Ewropea.

B’dan il-pass ladarba Dr Dalli u l-bqija tal-Kummissjoni Ewropea jkunu approvati mill-Parlament Ewropew, hija se sservi bħala Kummissarju Ewropew għall-ħames snin li ġejjin.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis laqa’ l-aħbar tan-nominazzjoni u stqarr li din hija l-ewwel darba li l-Kummisjoni Ewropea se jkollha kummissarju responsabbli mill-ugwaljanza b’mod partikolari, u allura dan il-qasam tant importanti għal Malta u għall-Unjoni Ewropea ser jingħata l-prijorità li tixraqlu, u dan fil-kuntest tal-viżjoni ambizzjuża li għandha għall-ugwaljanza Von der Leyen.

Kompla billi qal li fil-kuntest tas-suċċess li kisbet Dr Dalli f’dan il-qasam fl-aħħar sitt snin, meta poġġiet lil Malta fuq nett tal-indiċi Ewropej u dinjija, din l-aħbar tawgura tajjeb għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea bl-istess mod li tagħmel unur għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend