‘End of Summer Fest’ ser iniżżel is-separju fuq sajf mimli attivitajiet f’Għawdex – One News

Notifiki

‘End of Summer Fest’ ser iniżżel is-separju fuq sajf mimli attivitajiet f’Għawdex

Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja fil-Port tal-Imġarr, se jiġu organizzati 3 attivitajiet tal-massa biex b’hekk jinżel is-separju fuq sajf mimli attivitajiet kulturali organizzati mill-Ministeru għal Għawdex.

Waqt it-tnedija ta’ dawn l-attivitajiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan is-sajf kien impenjattiv ħafna għall-ministeru mmexxi minnha b’numru ta’ attivitajiet u b’inizjattivi kulturali organizzati madwar il-gżira biex b’hekk kull lokalità ngħatat l-importanza li jixraqilha.

Justyne Caruana semmiet li l-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ Arts Council Malta, ħejja programm interessanti ta’ attivitajiet li jvarjaw minn mużika rock għal jazz kif ukoll se tiġi organizzata t-tieni edizzjoni tal-karnival tas-sajf wara s-suċċess miksub is-sena l-oħra.

Mons Vella Gauci qal li l-karnival jikkonstitwixxi okkażjoni oħra li tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni sana bejn il-Ministeru permezz tal-Kumitat tal-Festi Nazzjonali u Reġjonali u tant entitajiet u gruppi volontarji li jaħdmu fil-kamp kulturali Għawdxi biex lill-pubbliku Għawdxi, Malti u barrani f’Għawdex jingħatalu spettaklu ta’ kultura u ta’ kwalità.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall ta ħarsa dettaljata tal-attivitajiet li se jiġu organizzati bis-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti u awgura li din il-kollaborazzjoni li nibtet bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għal Għawdex tissaħħaħ u tkompli tagħti l-frott fix-xhur li ġejjin.

Il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru, fl-10pm  – Rock Legends

Is-Sibt 14 ta’ Settembru, fis-7pm – Karnival tas-Sajf

Il-Ħadd 15 ta’ Settembru, fit-8pm – Jazz Do

L-attivitajiet huma kollha mingħajr ħlas. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit visitgozo.com

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend