ARA: L-ewwel reazzjoni ta’ Helena Dalli wara n-nominazzjoni tagħha – One News

Notifiki

ARA: L-ewwel reazzjoni ta’ Helena Dalli wara n-nominazzjoni tagħha

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von De Leyen, innominat lil Helena Dalli bħala l-Kummissarju Ewropew għall-politika Ewropea dwar l-Ugwaljanza.

Dr Dalli se tkun l-ewwel Kummissarju Malti li se tokkupa dan id-dekasteru imporatanti fil-Kummissjoni l-ġdida magħmula minn 13 -il mara u 14 -il raġel.

L-aħbar tal-portafolli tal-Kummissjoni l-ġdida saret f’konferenza tal-aħbarijiet fi Brussel li matulha Von De Leyen ħabbret is-sebgħa u għoxrin Kummissarju nominat mill-pajjiżi membri Ewropew għajr dak tar-Renju Unit.

Von Der Leyen qalet, “Helena Dalli from Malta has dedicated her political life to equality, serving as Minister for Social Dialogue, Consumer Affairs and Civil Liberties, and also as a Minister for European Affairs and Equality. She will lead the ‘Equality’ portfolio.”

Helena Dalli qalet ma’ ONE NEWS li tinsab onorata li se sservi f’din il-Kummissjoni u bil-fiduċja li wriet fiha il-President nominat Von de Leyen.

“Kuntenta ħafna għax dan huwa qasam li huwa ħafna għal qalbi, u onorata li tatna portafall hi von der Leyen tat ħafna ħafna importanza fil-programm tagħha. Iddedikat ammont sostanzjali ta’ punti fuq dan is-suġġett u tatu prominenza kbira.” Stqarret Helena Dalli.

Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Von de Leyen fil-qasam Ewropew għall-Ugwaljanza huma elenkati f’ittra li l-President bagħtet lil Helena Dalli. Von de Leyen inkarigat lil Dr Dalli biex fil-ħames snin li ġejjin, jissaħħaħ l-impenn Ewropew lejn l-inklużjoni u l-ugwaljanza. Hija qalet ukoll li trid li tiġi implimentata fl-Unjoni Ewropea l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u li tiġi żviluppata strateġija Ewropea dwar il-ġeneru.

Dr Dalli se taħdem mill-qrib mal-Viċi President Frans Timmermans u d-Daniża Margrethe Vestager li ġew innominati bħala viċi president eżekuttiv flimkien ma’ sitt viċi presidenti oħra fosthom Valdis Dombrovskis mil-Latvja li ngħata l-portafoll tas-servizzi finanzjarji.

Fi stqarrija, il-gvern laqa’ n-nomina ta’ Dr Dalli u qal li von der Leyen għandha viżjoni ambizzjuża ta’ fejn trid tieħu lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ugwaljanza. Saħaq li huwa ċar li Dalli ngħażlet biex twettaq din il-viżjoni minħabba r-riżultati eċċellenti li ħadmet għalihom u li kisbet li saru f’dan is-settur fosthom id-dħul taż-żwieġ indaqs u d-dritt ta’ adozzjoni għal persuni gay.

Fuq kollox sostna li din in-nomina hija turija ta’ fiduċja f’Malta li f’dawn l-aħħar snin wettqet bidla pożittiva u llum pajjiżna huwa meqjus bħala raġġ ta’ dawl kif deskritt minn numru ta’ istituzzjonijiet internazzjonali rispettati, qal il-gvern.

Fi tweet il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li von der Leyen għamlet l-għażla perfetta f’Dr Dalli biex tmexxi l-aġenda Ewropea tal-ugwaljanza u li dan huwa xhieda tad-dedikazzjoni ta’ Dr Dalli f’dan il-qasam.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li Helena Dalli se tkun katalista tal-ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea.

Helena Dalli nnominata għal Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend