B’referenza għall-bosta dikjarazzjonijiet li saru minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-riforma tal-kera, huwa ċar li l-Oppożizzjoni qiegħda mhux biss tikkritika din il-liġi l-ġdida, iżda tinsab ukoll kontra l-mekkaniżmu li jħaddem din il-liġi.
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova biss tbeżża’ u tkun negattiva u qiegħda sempliċiment tipprova ttellef milli tidħol liġi li se ttejjeb il-qagħda tan-nies li huma affettwati mil-liġijiet tal-kera preżentament u fil-futur.
Qal li l-ħafna dikjarazzjonijiet li qed isiru dwar l-ispezzjonijiet fid-djar huma bla bażi u spjeg ali d-dritt ta’ aċċess ta’ awtorijiet governattivi diġà jsib ruħu fi provvedimenti ta’ diversi liġijiet oħra tal-pajjiż, liema aċċess irid isir bi pre-avviż ta’ 24 siegħa minn qabel u bl-assistenza tal-Pulizija, kif inhi din il-liġi.
Il-Gvern sostna li anke meta l-partit tal-Oppożizzjoni kien fil-Gvern ukoll kien għadda liġijiet li jagħtu l-istess dritt ta’ aċċess lil entitajiet tal-Gvern.
Qal li l-għan ta’ dawn il-provedimenti huwa sabiex jassiguraw l-aħjar implimentazzjoni tal-liġi.
Il-Gvern temm jgħid li jkun aħjar li l-Oppożizzjoni minflok ma tuża l-argumenti biex tbeżża’, tiġbed ħabel wieħed mal-Gvern biex din il-liġi tant bżjonnjuża tkun implimentata.