Jassigura żieda oħra fil-pensjoni fil-baġit għas-sena d-dieħla – One News

Notifiki

Jassigura żieda oħra fil-pensjoni fil-baġit għas-sena d-dieħla

Terz tal-ispiża tal-baġit qed tgħaddi mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Spiża li mhux se tieqaf hawn, hekk kif il-baġit għas-sena 2020 se jerġa’ jkollu aktar miżuri favur il-familji Maltin u Għawdxin. 

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-dar tal-anjanzi tal-Imsida bit-tema Malta Ngħixu s-Suċċess, il-Ministru Michael Falzon qal li fl-aħħar erba’ snin, 93,000 pensjonant ħadu żieda wara oħra fil-pensjoni tagħhom tant li ħadu medja ta’ kważi 19-il ewro fil-ġimgħa.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li “Għamilna pledge elettorali li tal-anqas il-pensjonijiet jogħlew bi 8 ewro fil-ġimgħa. Fil-bagit li ghadda u f’ta’ qablu diġà qbiżna nofs dik il-mira u li nista’ ngħid u nassigura li ħa jkun hemm żieda oħra fil-pensjonijiet ovvjament fi tliet każi dik tkun b’zieda maż-żieda tal-għoli tal-ħajja cioè qed ngħollu l-pensjoni netta”.

Il-pensjoni kienet ilha 25 sena sħaħ ffriżati, bl-unika ċaqliq ikun l-għoli tal-ħajja.

Iż-żieda ma ngħatatx biss lill-anzjani, iżda anke lit-tfal. Fil-fatt, iċ-children’s allowance kienu ilhom ma jogħlew bosta snin, biex kellu jkun Gvern Laburista li jġib ċaqliqa ‘l fuq f’dan il-benefiċċju, bl-ogħla rata żdiedet b’69 ewro għal kull wild.

Il-Ministru Falzon sostna li “Dan il-Gvern kien għolla iċ-children’s allowance għall-ewwel darba żgur fl aħħar 11-il sena għal kulhadd u kien hemm ċertu sezzjoni ta’ ġenituri li kienu ilhom ma jaraw żieda fiċ-children’s allowance għal 23 sena sħaħ“.

Taħt l-istess ministeru jaqgħu il-persuni b’diżabiltà, bil-Gvern investa iktar minn miljun ewro f’familji li għandhom fihom persuni b’diżabiltà.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis semma li fil-baġit għal din is-sena, il-benefiċċju għat-tfal b’diżabilità żdied għal 25 ewro fil-ġimgħa waqt li l-benefiċċju għal persuni b’diżabilità severa li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol, żdied minn 140 għal 150 fil-ġimgħa.

Agius Decelis stqarr li “Nafu li dawn il familji li jkollhom persuni b’diżabilità għandhom bżonn hafna spejjeż, u rridu nkunu magħhom biex nerfgħu ftit minn dan it-toqol li qed iġorru. Żiedna wkoll il-pensjoni tad-diżabiltà severa. Żidnieha minn 140 euro għal 150 euro fil-ġimgħa biex ukoll inkunu nistgħu dawk il persuni li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xoghol intuwuhom l-ispazju li jgħixu b’dinjit bħal kumplament tas-soċjetà Maltija. Ma rridu lill-ebda individwu ikun qed jiġi emarginat u jbati minħabba nuqqas tal-finanzi li jkollu “.

B’din il-miżura qed titgawda minn 1,200 persuna li ma jistħux joħorġu jaħdmu.

Apparti l-aspett finanzjarju, il-Gvern qed joffri wkoll appoġġ ħolisitku permezz tas-servizzi disponibbli għal persuni b’diżabilta.

Agius Decelis temm jgħid li “Il-Gvern qed jagħti iktar servizzi ta’ respite. u 125 familja sa Ġunju li għadda gawdew minn dan is-servizz. aħna rridu li l frott tal-ekonomija tagħna jitgawda minn kulħadd u l-bagit li gej, il-proposti li se nagħmlu ħa jkunu fuq din il-linja”.

Agius Decelis irrimarka li dawn is-servizzi se jkomplu jissaħħew permezz tal-baġit għas-sena d-dieħla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend