Rajt suwiċidji u familji jitkissru – One News

Notifiki

Rajt suwiċidji u familji jitkissru

 

Flimkien għal saħħa mentali aħjar.

Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt l-ewwel konferenza nazzjonali organizzata minn dan l-uffiċċju tal-President ta’ Malta li matulha saret diskussjoni wiesgħa anki fuq l-aspett uman ta’ din l-isfida li kulma jmur qiegħda titla’ aktar fuq l-aġenda tal-pajjiż. 

Connie Magro li għomorha u żmienha taħdem bħala infermiera ma’ persuni li jbatu b’xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali sosntiet li l-mard relatat mas-saħħa mentali ma jolqotx biss lill-individwu b’nuqqas ta’ saħħa mentali iżda anki lill-għeżież tiegħu li ħafna drabi jispiċċaw ikunu huma li jitgħabbew bit-toqol u l-istigma marbuta ma’ min ibati b’dan il-mard.

Hija stqarret li “Għadni nara disa’ familji, tliet darbiet fil-ġimgħa li għaddejjin minn dan it-tip ta’ tbatija. Jiġu jgħidulek almenu sibt lil xi ħadd imqar jisgħmani”.

L-infermiera b’esperjenza ta’ madwar 40 sena rrakkontat magħna waqtiet qarsa li ltqagħet magħhom.

Magro tenniet li “Suwiċidji rajt kemm il-darba, familji li ħdimt magħhom jiġu għal bereavment tas-suwiċidju għandna, rajt ħafna. Rajt familji li tkissru, isseparaw minħabba l-mard mentali”.

Fl-istess konferenza tkellmet ukoll l-ekonomista Amanda Borg li spjegat kif huwa l-każ li bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna.

Hija qalet li “Ħafna studji juru illi meta d-dħul ta’ persuna jiżdied beyond il-livell li huwa bżonnjuż biex wieħed jgħix u jgħix tajjeb il-livell ta’ kuntentizza jista’ jkun illi jonqos”.

Saħqet fuq is-settur tax-xogħol u kif irridu nħarsu lejn il-ħaddiem mhux biss kemm hu produttiv iżda anki li mentalment huwa f’saħħtu.

Borg temmet tgħid li “Il-kapital uman inħarsu lejh bħala kemm persuna kapaċi tkun produttiva iżda wkoll fiżikament u mentalment għandha u qiegħda fi stat ta’ saħħa tajjeb. U dan kollu, ħin fejn naf jien għall-eżerċizzju, ħin għall-familja, dan kollu huwa importanti”.

Dwar il-qasam tax-xogħol u l-bilanċ bejn il-ħidma u l-mistrieħ tkellem ukoll il-Ministru responsabbli mill-qasam tax-xogħol Evarist Bartolo.

Dan filwaqt li l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon tkellem dwar realtajiet fis-soċjetà tagħna fosthom li kwart mill-popolazzjoni esperjenzat jew misset mas-saħħa mentali.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq fuq il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità.

“Irridu naslu f’punt li l-isptar Monte Karmeli jispiċċa u l-kura meħtieġa fejn mhux possibbli fil-komunità tingħata b’mod integrat f’Mater Dei,” saħaq Chris Fearne.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella fetaħ il-konferenza b’messaġġ qawwi favur il-prevenzjoni aktar milli l-kura għas-saħħa mentali.

Saħaq ukoll fuq l-iżvilupp ambjentali u kif in-nuqqas tal-kuntatt uman man-natura jġib sfidi għas-saħħa mentali.

Ritratti – DOI/OPR

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend