Il-PA tirrifjuta l-bini ta’ pompa tal-petrol ġdida fl-Imqabba – it-tielet applikazzjoni rrifjutata fl-aħħar ġimgħat – One News

Notifiki

Il-PA tirrifjuta l-bini ta’ pompa tal-petrol ġdida fl-Imqabba – it-tielet applikazzjoni rrifjutata fl-aħħar ġimgħat

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar b’mod unanimu rrifjuta l-permess għal żvilupp ta’ pompa tal-petrol ġdida li tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) fl-Imqabba.

L-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-pompa fi Triq Valletta kienet qed tipproponi wkoll il-bini ta’ ċentru ta’ manutenzjoni u ħasil ta’ karozzi, ħanut u faċilitajiet għal vetturi li jaħdmu bl-elettriku.

Il-rifjut ta’ din l-applikazzjoni wassal ukoll biex jiġu salvati 11-il siġra endemika u maturi li hemm f’din it-triq.

Fost dawk li vvotaw kontra din l-applikazzjoni kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent, il-Professur Victor Axiaq.

Huwa qal li vvota kontra dan l-iżvilupp minkejja li l-Awtorità kienet tal-opinjoni li s-sit li fuqu kienet proposta din il-pompa ma kienx ta’ sensittività ambjentali kbira. Argumenta li din l-applikazzjoni kienet għall-bini ta’ pompa ġdida u mhux biex tiġi rrilokata pompa li diġà teżisti.

Qal li huma ftit is-siti f’żoni barra mil-limitu tal-iżvilupp li fuqhom jista’ jsir dan ix-xorta ta’ żvilupp għax għandhom livell baxx ta’ sensittività ambjentali. Għaldaqstanr qal li dawn is-siti għandhom jintużaw biss biex jiġu rrilokati pompli tal-petrol eżistenti u mhux biex jinfetħu oħrajn ġodda li fi kliemu m’hemmx aktar bżonnhom.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia laqa’ din l-aħbar. Qal li l-kunsill preżenti kompla jżomm ferm il-pożizzjoni tiegħu kontra dan l-iżvilupp. Huwa fisser din id-deċiżjoni bħala waħda għaqlija u favur ir-residenti Mqabbin.

Din kienet it-tielet applikazzjoni li l-Awtortià tal-Ippjanar irrifjutat fl-aħħar ġimgħat. Dan wara li b’mod unanimu rrifjutat ukoll il-bini ta’ pompa tal-petrol f’żona barra mil-limitu tal-Iżvilupp fil-Magħtab u oħra li kienet qiegħda tiġi proposta f’Ħ’Attard.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend