“Mhux se nistrieħu fuq ir-riżultati li ksibna” -JM – One News

Notifiki

“Mhux se nistrieħu fuq ir-riżultati li ksibna” -JM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit  Laburista, Joseph Muscat, tenna li l-gvern mhux se jkun qed jistrieħ fuq ir-riżultati miksuba u fisser kif fil-baġit tal-14 ta’ Ottubru se jkun qed jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u l-familji jgawdu mill-frott tat-tkabbir ekonomiku.

F’kollegament fuq ONE Radio l-Prim Ministru tkellem dwar kif l-ekonomija Maltija kibret tliet darbiet iktar minn dik Ewropea.

“Dan ifisser li f’pajjiżna qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet. Qegħdin jiġu attirati l-investimenti. Dak li rridu nagħmlu bħala gvern li qatt ma nistrieħu fuq ir-riżultati li ksibna,” qal Joseph Muscat li tenna kif il-gvern għadu qed jistinka biex iġib iktar investiment. “U se jkollna tħabbiriet ta’ iktar xogħol u investiment,” żied il-Prim Ministru li spjega kif il-gvern irid jinkoraġixxi lil Maltin ikomplu jinvestu filwaqt li l-gvern ma jżidilhomx l-ispejjeż.

Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif f’kull baġit il-gvern naqqas it-taxxi, filwaqt li saru wkoll baġits bla taxxi. “Din il-ġimgħa l-Ministru tal-Finanzi wera l-impatt ta’ għaxar miżuri partikolari li jiswew €128 miljun fis-sena. Nonfquhom filwaqt li ma nżidux it-taxxi u nnaqqsu t-taxxi. Dawn flus li ġejjin għax qed tikber l-ekonomija,” spjega l-Prim Ministru.

Fost dawn semma kif biċ-ċekk tar-refund tat-taxxa, €11 –il miljun qed jibqgħu għand il-ħaddiema, u bit-tnaqqis fir-rata tat-taxxa hemm €44 miljun li ta’ kull sena qed jibqgħu għand il-familja, biċ-child care b’xejn il-familji qed jiffrankaw €20 miljun fis-sena. “Irridu ninsistu li l-ekonomija tagħna timxi ‘l quddiem biex tiflaħ għal dan kollu. Il-mument li l-gvern ma jkollux il-kuraġġ jieħu d-deċiżjonijiet imbagħad ikollu l-problemi,” qal il-Prim Ministru li tenna li hu kommess li jkompli jieħu d-deċiżjonijiet fil-baġit li ġej.

Fost oħrajn mhux biss permezz ta’ inizjattivi ta’ dan it-tip iżda wkoll pjani dwar kif inkomplu ntejbu l-ambjent ta’ madwarna.

Fiduċja mingħajr preċedent

Għall-ekonomija Maltija, din il-ġimgħa ġrat ukoll xi ħaġa bla preċedent. Il-Prim Ministru beda biex spjega kif minħabba li l-gvern qed jagħmel surplus u mhux defiċit issa għandu bżonn jiddejjen inqas u dan qed iwassal biex meta jinħarġu l-bonds tal-gvern jitħallsu inqas imgħaxijiet u dawk ikunu investiti fin-nies. “Nistgħu nħallsuhom fuq pensjonijiet, biex nagħmlu t-toroq, biex intejjbu s-servizz tas-saħħa, biex intejjbu l-iskejjel,” żied il-Prim Ministru li spjega kif fl-istess ħin inħarġu bonds għall-anzjani b’rata favorevoli. “Lill-anzjani nħallsuhom iktar mil-imgħax milli kieku mmorru niddejnu x’imkien ieħor. Għax għandna ruħ soċjali,” qal il-Prim Ministru.

Joseph Muscat irrefera għal sejħa ta’ bonds għall-istituzzjonijiet finanzjarji, Maltin u internazzjonali. “Għall-ewwel darba kellna istituzzjonijiet finanzjarji li biex isellfuna l-flus mhux aħna ħa nħallsuhom, imma huma se jħallsuna,” qal il-Prim Ministru li fisser kif fost ir-raġunijiet għal dan hemm il-fatt li jaraw lill-pajjiżna bħala wieħed sod.  “Din hi xi ħaġa bla preċedent u għall-ewwel darba pajjiżna sar wieħed minn dawk il-pajjiżi,” kompla Joseph Muscat li spjega kif il-gvern ħareġ il-bond għal €50 miljun u dawn l-istituzzjonijiet riedu jsellfu €300 miljun.

Bidla favur iċ-ċertezza

F’ġimgħa fejn kien ippubblikat studju li juri kif il-maġġoranza tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom il-Prim Ministru qal li importanti li nibqgħu niftakru li tmienja minn kull għaxra tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom li qed ukoll jaħdmu u jġemmgħu biex iħallsu d-dejn mal-bank. “Irridu naraw li nkomplu ngħinu dawn il-familji,” qal il-Prim Ministru li rrefera għal skemi bħal first time u s-second time buyers li bihom il-gvern jgħin lil dawn il-familji.

Joseph Muscat qal li l-gvern irid jiffoka wkoll fuq dawk it-tnejn minn kull għaxra li mhux sidien ta’ djarhom. Irrefera għas-suq tal-kera u tenna li sal-lum dan hu suq ta’ ġungla. “Ilna sena nikkonsultaw. Ħriġna white paper u kien hemm reazzjoni pożittiva. Forsi kien hemm min ħaseb li minkejja l-konsultazzjoni il-gvern mhu se jagħmel xejn,” kompla l-Prim Ministru li tenna li l-gvern iddeċieda li din il-faxxa trid tibda tgħix f’kirjiet regolati.

Fost il-bidliet li jrid il-gvern hemm dik li bilfors irid ikun hemm kuntratt tal-kera, li dan ma jkunx inqas minn sena u li jrid jkun hemm avviż jekk tkun se tgħola l-kera u iktar minn hekk min jintrabat f’kirja iktar fit-tul il-gvern se jagħtih inċentiv tal-kera. “Filwaqt li din il-liġi tista’ tiġi pperfezjonata hija liġi bżonnjuża li ma tħallix is-sistema tal-ġungla,” qal il-Prim Ministru li saħaq li n-nies għandhom bżonn iċ-ċertezza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend