“Wasal iż-żmien li l-UE tara l-Afrika bħala sieħba kummerċjali importanti” – il-Ministru Carmelo Abela – One News

Notifiki

“Wasal iż-żmien li l-UE tara l-Afrika bħala sieħba kummerċjali importanti” – il-Ministru Carmelo Abela

In-narrattiva dwar il-migrazzjoni għandha tinbidel. Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tara l-pajjiżi Afrikani bħala sieħba kummerċjali importanti. Dan ġie rrimarkat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela waqt li kien qed jindirizza diskussjoni tal-bord li saret bħala parti mill-14-il edizzjoni tal-Forum Strateġiku Bled annwali (BSF) fis-Slovenja. Il-Ministru Abela enfasizza li b’investiment f’pajjiżi tal-oriġini l-UE se tkun qed twassal biex tindirizza l-kawżi tal-migrazzjoni irregolari peress li se tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-ġenerazzjonijiet żagħżugħa fil-pajjiżi tagħom stess. 

Taħt it-tema “(Ri)żorsi ta’ (In)stabbiltà”, il-BSF ta’ din is-sena seħħ fi Bled, fi Slovenja u kien iddedikat biex jiddiskuti r-rwol tar-riżorsi fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u l-progress ekonomiku.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, innota kif il-migrazzjoni ilha fenomenu għal żmien twil u qal li din hija kwistjoni globali u l-komunità internazzjonali għandha tiddiskuti kif tindirizza u timmaniġġja l-migrazzjoni b’mod strutturat.

“Malta, bħal pajjiżi l-oħra tal-Mediterran, hija minn ta’ quddiem nett biex tittratta l-migrazzjoni fir-rotta tal-Mediterran u l-prijorità tibqa’ s-salvazzjoni tal-ħajjiet kif ukoll ir-rispett sħiħ għal-liġijiet internazzjonali. Madankollu, il-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tiġi indirizzata b’mod ħolistiku, kemm minn perspettiva Ewropea iżda wkoll globali,” qal il-Ministru Abela. Huwa żied jgħid li Malta tixtieq tara wkoll aktar qsim tar-responsabbiltajiet u li l-Istati Membri tal-UE għandhom jingħaqdu biex ikunu parti mis-soluzzjoni flimkien. Huwa nnota li strutturi bħall-EASO u oħrajn għandhom jissaħħu u li jkunu kkumplimentati minn rieda politika biex jinstabu soluzzjonijiet tanġibbli.

Il-Forum Strateġiku Bled, li huwa organizzat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja, huwa konferenza internazzjonali li tiġbor flimkien sett ta’ parteċipanti, inklużi Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, ministri, diplomatiċi, negozjanti, skulari u esperti, żgħażagħ, u midja minn madwar id-dinja. Il-Forum iffoka fuq l-involviment tal-parteċipanti f’diskussjonijiet b’tema kurrenti, kif ukoll iħeġġiġhom biex ifittxu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi reġjonali u globali konvinċenti.

Fil-marġini tal-Forum, il-Ministru Abela kellu l-opportunità li jkollu numru ta’ laqgħat bilaterali inkluż mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Finlandja, Pekka Haavisto u mas-Sur Eyal Sela, Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta. Il-Ministru Carmelo Abela ltaqa’ wkoll mal-Ministru Skoċċiż għall-Ewropa, Migrazzjoni u Żvilupp Internazzjonali Ben Macpherson.

 

Ritratti – MFTP

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend