Sens qawwi ta’ fiduċja mill-istituzzjonijiet finanzarji – One News

Notifiki

Sens qawwi ta’ fiduċja mill-istituzzjonijiet finanzarji

Il-fatt li għall-ewwel darba l-investituri ta’ ċertu kalibru xtraw stocks tal-Gvern b’rendiment negattiv għalihom tfisser ħafna. 

Hekk spjega ma’ ONE News il-konsulent finanzjarju Steve Ellul meta spjega b’mod sempliċi li l-Gvern mhux se jkun qed iħallas imgħax fuq l-istocks għaliex dawn l-investituri mhux talli qed isellfu l-flus iżda qed iħallsu biex jagħmlu dan.

Ellul qalilna li “Għall-ewwel darba fl-istorja l-Gvern Malti se jkun qed jissellef il-flus mingħand l-investituri istituzzjonali issa mhux talli mhux se jkun qed iħallas imgħax, talli se jkun qed jirċievi l-flus għaliex l-investituri istituzzjonali, li rridu ngħidu huma l-aktar investituri professjonali ta’ ċertu kalibru anki fil-pajjiż, qed nitkellmu fuq banek, istituzzjonijiet finanzjarji, fondi ta’ investiment, lesti jsellfu l-flus lil Gvern ta’ Malta imma mhux talli jsellfu, lesti wkoll iħallsu talli huma jżommu dawn il-flus, isellfu dawn il-flus lil Gvern għal perjodu ta’ sitt snin.”

Il-konsulent finanzjarju ma’ bank lokali spjega kif ħarġu anki bonds li wkoll l-imgħax qiegħed viċin iż-0% u għax pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha.

“Ħarġu wkoll bonds tal-Gvern illi ma kinux biss għal 6 snin imma kienu wkoll għal għaxar snin, illi r-rata tal-imgħax tagħhom għalkemm mhijiex taħt iż-żero hija viċin ħafna ż-0% jiġifieri hawnhekk qed nitkellmu fuq sitwazzjoni fejn ir-rata tal-imgħax, il-Gvern qiegħed iħallas huma tassew baxxi, saħansitra anki fin-negattiv għal dawk illi huma bonds ta’ sitt snin fuq sitwazzjoni fejn ġeneralment l-andament hija riflessjoni wkoll t’andament ekonomiku li huwa b’saħħtu ħafna”, stqarr Ellul.

Meta ħarġu l-istocks tal-Gvern kien hemm domanda qawwija għalihom mill-investituri finanzjarji. Fiflatt din kienet sitt darbiet aktar mill-ammont offrut mill-Gvern.

Ellul saħaq li din mhux biss tfisser fiduċja f’Malta u fil-Gvern tagħha,  iżda tfisser ukoll li l-investituri jemmnu li l-ġejjieni ħa jibqa’ wieħed pożittiv.

Ellul temm jgħid li “Hija wkoll sentiment ta’ fiduċja, riflessjoni u sentiment ta’ fiduċja f’dak li hija s-sitwazzjoni ekonomika lokali mhux biss bħalissa iżda wkoll sentiment pożittiv anke għall-ġejjieni għaliex kif qed ngħidu huma bonds li jimmaturaw 6 snin oħra u 10 snin oħra rispettivament”.

 It-teżor irċieva mal-ħamsin offerta ta’ valur ta’ kważi 300 miljun ewro mill-investituri iżda il-valur oriġinali tal-istocks tal-Gvern kien ta’ 50 miljun ewro.

B’reazzjoni għal dan, fi tweet il-Prim Ministru saħaq li dan li ġara kien sens qawwi ta’ fiduċja mill-istituzzjonijiet finanzjarji lejn pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend