L-ekonomija Maltija kibret b’4% bejn April u Ġunju li għadda – One News

Notifiki

L-ekonomija Maltija kibret b’4% bejn April u Ġunju li għadda

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-istitastika juru li fl-ewwel nofs tas-sena ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku laħqet l-4.7%. 

 Kemm fl-ewwel u kemm fit-tieni kwart tas-sena, pajjiżna jidher li kellu t-tieni l-ogħla rata osservata fost il-pajjiżi taż-żona ewro filwaqt li għal darb’oħra t-tkabbir f’pajjiżna kien tliet darbiet il-medja Ewropea.

It-tkabbir ekonomiku kien xprunat minn żieda qawwija fil-konsum privat li wassal għal tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema.

Fil-fatt fl-ewwel nofs tas-sena, il-pagi f’pajjiżna kienu €140 miljun ogħla milli kienu sena qabel, żieda ta’ 6%.

Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika tindika li l-konsum tal-familji żdied bi kważi 4.6%, wara li tneħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja.

Dan jikkuntrastra mas-sitwazzjoni taħt il-tmexxija Nazzjonalista, meta fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern, kien hemm tnaqqis ta’ 0.5% fil-konsum privat.

L-andament pożittiv tan-negozji kien fattur ieħor ewlieni li wassal għat-tkabbir ekonomiku.

Fil-fatt il-profitti għolew b’€269 miljun, jew żieda ta’ 9.5%.

Dan it-titjib qawwi fil-profitti wassal biex in-negozji privati, flimkien mas-settur pubbliku, investew €959 miljun fl-ewwel nofs tal-2019, li tfisser żieda ta’ €119 miljun imqabbel mas-sena ta’ qabel.

Fil-fatt dan kien it-tieni l-akbar livell ta’ investiment li qatt ġie osservat fl-ewwel nofs ta’ sena mindu bdiet tinġabar l-istatistika.

It-tkabbir ekonomiku kien mifrux ħafna l-aktar  fis-settur ta’ servizzi professjonali u amministrattivi, li ra żieda ta’ €82 miljun jew ta’ 11%.

Is-settur tal-gaming kabbar l-operat b’€75 miljun, jew 9%, filwaqt li l-oqsma tal-bejgħ u tal-lukandi u tar-ristoranti kibru b’€69 miljun, jew b’6%.

Il-valur miżjud fil-manifattura kiber bi €12-il miljun filwaqt li fil-kostruzzjoni kien hemm żieda ta’ €29 miljun. Is-settur finanzjarju kiber bi €22 miljun jew bi kważi 7%.

B’reazzjoni, il-Gvern qal li dan it-tkabbir qawwi fis-settur privat qed iwassal għal tnaqqis fid-dipendenza ta’ pajjiżna fuq l-ispiża tiegħu.

Fil-fatt il-konsum tal-Gvern kien 18.5% tal-ġid nazzjonali kontra 21% fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern.

Qal li dan jispjega għalfejn pajjiżna bħalissa għandu surplus fil-finanzi pubbliċi kontra d-defiċit eċċessiv li kellu fil-passat.

Il-Gvern sostna li l-politika ekonomika preżenti qed twassal għal tkabbir mifrux filwaqt li qed jiżdied b’mod sostanzjali d-dħul kemm tal-ħaddiema kif ukoll tan-negozji.

Fl-istess waqt qal li dan it-tkabbir qed iwassal għal livell ta’ investiment bla preċedent li se jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja u jpoġġi l-bażi għat-tkabbir futur tal-ekonomija Maltija.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend