Jinħelsu żewġ fjamingi frieħ wara żmien qasir ta’ kura f’Malta – One News

Notifiki

Jinħelsu żewġ fjamingi frieħ wara żmien qasir ta’ kura f’Malta

BirdLife Malta ħabbret li aktar kmieni din il-ġimgħa nħelsu żewġ fjamingi fir-Riserva Natura tal-Għadira wara li għal perjodu qasir kien qed jingħata l-kura minn membri tagħha

BirdLife Malta sostniet li l-fjamingi frieħ it-tnejn kienu jiffurmaw parti mill-qatgħa kbira li kienet osservata tpassi minn fuq il-Gżejjer Maltin fl-20-21 ta’ Awwissu 2019. Huma jpassu fi qtajja’ ffurmati minn adulti u frieħ imma ż-żgħar xi drabi jegħjew u jinfirdu minn mal-kumplament biex jistrieħu. Hekk ġara fil-każ ta’ dawn iż-żewġ fjamingi li nqatgħu minn mal-bqija u spiċċaw f’nofs in-nies f’partijiet differenti tal-Gżejjer Maltin.

L-ewwel wieħed fil-fatt instab f’Daħlet Qorrot f’Għawdex fejn niżel f’nofs il-bajja fl-20 ta’ Awwissu. Il-fjamingu ġie salvat minn uffiċjal tal-ERA u ttieħed mill-ewwel għand il-veterinarju tal-gvern li sab li kien għajjien, stqarret BirdLife Malta.

Filwaqt li t-tieni fjamingu nġabar l-għada minn membri tal-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) fl-inħawi tal-Għadira s-Safra. Huma għaddew l-għasfur f’idejn BirdLife Malta u dan ittieħed għand il-veterinarju tal-gvern biex jiġi eżaminat. Anke f’dan il-każ instab li kulma kellu l-fjamingu kienu sinjali ta’ għeja minħabba l-passa. F’inqas minn ġimgħa kien iċċertifikat li reġa’ ħa lura saħħtu biex ikun jista’ jinħeles lura fis-selvaġġ. Wara li l-veterinarju tat il-kunsens tagħha, iż-żewġ fjamingi nħelsu fl-Għadira nhar it-Tlieta li għadda 3 ta’ Settembru. Qabel inħelsu minn staff tar-riserva, twaħħlilhom ċurkett.

Ta’ QabelLi Jmiss