It-turisti f’Malta jiżdiedu b’7.3%- L-MHRA – One News

Notifiki

It-turisti f’Malta jiżdiedu b’7.3%- L-MHRA

Stħarriġ tal-Assoċjazzjoni tar-Ristoranti u l-Lukandiera l-MHRA juri żieda ta’ 7.3% fin-nefqa tat-turisti li żaru f’pajjiżna fit-tieni kwart ta’ din is-sena. 

L-istudju li sar mill-kumpanija tal-awdituri Deloitte wera wkoll li bejn April u Ġunju, żdiedu t-turisti li żaru pajjiżna iżda qattgħu inqas jiem.

Il-President tal-MHRA, Tony Zahra stqarr li  “Ir-riżultat kien tajjeb, li żdiedu l-wasliet b’5% u żdiedu n-nies li qagħdu hawn Malta bi 2%, jiġifieri waqt li l-arrivals żdiedu l-waqfa naqset daqsxejn. jiġifieri żdiedu n-nies iżda l-perjodu li jdumu Malta naqas”

Ir-rapport innota wkoll li s-settur tal-akkomodazzjoni privata qiegħed isir dejjem aktar popolari f’kull faxxa tat-turisti li jiġu f’pajjiżna. Minħabba f’hekk il-lukandi rreġistraw tnaqqis ta’ madwar 2% fl-iljieli li qattgħu turisti fihom. Dan wassal ukoll għal tnaqqis fil-prezz tal-lukandi.

L-istudju nnota li filwaqt li bħalissa hawn 18,000 sodda rreġistrati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, hawn eluf oħra li mhux reġistrati. Spjegaw li dawn qed ipoġġu lill-kompetituri tagħhom u lil-lukandiera fi żvantaġġ.

Zahra spjega li bħal kull pajjiż ieħor l-industrija qed taffaċċja sfidi kawża tas-suċċess tiegħu stess. Saħaq fuq l-importanza li fis-settur tat-turiżmu jkun hawn viżjoni għall-futur sabiex kollox jibqa’ sostenibbli.

Huwa sostna li “Għandna suċċess fit-turiżmu, għandna suċċess tajjeb però rridu nieħdu ħsieb ukoll biex jibqa’ suċċess. Kemm meta jkollok suċċess u kemm meta jkollok diffikultajiet għandek id-diffikultà biex iżommha. Għandna s-suċċess u issa rridu nħarsu x’jista’ jiġi ħażin u qabel jiġi ħażin nirranġawh”.

Fakkar li l-aħħar Masterplan għas-settur inħoloq mat-30 sena ilu u għalhekk issa għandu bżonn ikun hemm pjan biex jissaħħaħ il-kunċett ta’ turiżmu ta’ kwalità.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq dwar l-importanza li issa nibdew nattiraw turisti li joqogħdu anqas iżda jħallu aktar flus f’pajjiżna.

Saħaq li issa trid issir ħidma sabiex titjieb il-konnettività għal pajjiżi bħall-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel sabiex tkompli ssaħħaħ dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend