Il-ħuta Maltija lura fil-Magħluq wara li kważi nqerdet – One News

Notifiki

Il-ħuta Maltija lura fil-Magħluq wara li kważi nqerdet

Wara 4 snin ta’ konservazzjoni fiċ-ċentru nazzjonali tal-akwakultura fit-Torri ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk, il-Ġimgħa filgħodu beda’ l-proċess li bih il-ħuta nazzjonali l-Bużaqq, bdiet titpoġġa lura fl-abitat tagħha ġewwa l-Magħluq f’Wied il-Għajn. 

Il-bużaqq huwa l-unika speċi f’Malta li jgħix f’ilma salmastru – ilma baħar imħallat ma’ ilma ħelu, u jiekol pjanti u annimali iżgħar bħal l-invertebri.

L-uffiċjal tal-akwakultura Ray Caruana spjega li dan it-tip ta’ abitat f’pajjiżna huwa rari u li l-bużaqq li jgħix fil-Magħluq kien qed ikun mhedded iktar minn dak fis-Salini u s-Simar.

Caruana stqarr li “T’hawnhekk hija l-iktar waħda li għanda problemi, l-oħrajn huma stabbli bħalissa allura kkonċentrajna ħafna fuq dan il-post fl-aħħar erba’ snin”.

Fisser li l-bużaqq mhux se jitpoġġa direttament fil-Magħluq iżda f’gaġġa fuq il-post.

Hu tenna “Għandna dawn iż-żewġ gaġeġ li għamilna hawnhekk, u l-ħut ma rrilaxxjaniehx direttament ġol-Magħluq imma l-ewwel ġo dawn il-gaġeġ biex dawn issa matul il-ġimgħat li ġejjin ħa jibqgħu jiġu mmonitorjati sew, illum tlaqna 25 imma l-iskop li nitilqu 125 ġo dawn il-gaġeġ”.

Jekk il-bużaqq ma jurix reazzjoni negattiva, dan jintelaq kompletament.

Caruana sostna “Jekk naraw li dawn imorru tajjeb ġol-gaġeġ jistgħu jintelqu għal kollox fl-ambjent naturali”.

Id-deputat direttur tal-ERA Darrin Stevens spjega li bħalissa qegħdin isiru diversi proġetti simili ma’ għaqdiet ambjentali.

Stevens stqarr li “L-ERA qed taħdem man-Nature Trust Malta permezz ta’ kuntratt qed jingħataw fondi, bħalissa ingħataw madwar 200,000 ewro biex ikunu jistgħu jiġu mmaniġġjati s-siti. L-ERA ovvjament għandha fondi oħrajn u siti oħrajn u investiet issa madwar miljun u nofs biex inkunu nistgħu nippromwovu attivitajiet bħal dawn anke f’siti oħrajn”.

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera faħħar ix-xogħol li sar mill-entitajiet differenti u appella biex jibqgħu jiġu sostnuti attivitajiet ta’ konservazzjoni tal-ambjent naturali.

Ħabbar ukoll li qed isir xogħol biex jinħoloq bank tal-ġenetika tal-bijodiversità bħala mezz ieħor ta’ konservazzjoni tal-flora u l-fawna, u li qed issir riforma fid-dipartiment tas-sajd u l-akwakultura.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend