ARA: Kif minn disinji żgħar ħoloq statwa ta’ Marija Bambina – One News

Notifiki

ARA: Kif minn disinji żgħar ħoloq statwa ta’ Marija Bambina

Skont iz-zokk il-fergħa. Hekk jgħid il-Malti. L-istess qalilna l-istatwarju Jason Farrugia meta staqsejnieh minn fejn oriġinat id-dedikazzjoni tiegħu lejn il-festa Naxxarija. 

Festa li din is-sena ser jiċċelebraha b’sodisfazzjon kbir hekk kif ingħatatlu r-responsabbilità sabiex jirrenova l-istatwa ta’ Marija Bambina. Wara l-istatwa se titqiegħed f’niċċa fil-każin tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittoria.

L-imħabba ta’ Jason lejn il-festa ntirtet mingħand diversi ġenerazzjonijiet u għalhekk ma ħasibhiex darbtejn meta talbuh biex jieħu f’idejh ir-rinovazzjoni totali tal-istatwa.

Farrugia stqarr ma’ ONE News li “Meta toħroġ din l-istatwa ma jindaqqux marċi komuni. Għandha sitt innijiet apposta għaliha, jiġifieri mhux xi marċ komuni – kif naqbad ngħid, jiġifieri ħafna, ħafna. Responsabbilità kbira fuq kollox u sodisfazzjon kbir ukoll hux.”

Magħna stqarr li l-arti ma kinitx xi ħaġa li dejjem kienet f’idu imma bil-mod il-mod beda jiżviluppaha maż-żmien fi ħdan l-għaqda stess u li llum wasslitu għall-akbar proġett tiegħu s’issa.

“Daqqa tagħmel disinn, daqqa titħajjar tagħmel biċċa skultura mbagħad wasalt f’punt li għidt, nixtieq nitgħallem l-induratura u kont mort ħadt l-evening classes l-School of Arts niftakar. Xi 10 snin ilu issa u minn dakinhar niżżu ħajr ‘l Alla bqajna mexjin”, tenna jgħid Farrugia.

Proġett li ħadlu l-frank kollu u ħafna ħin prezzjuż mal-familja l-aktar maċ-ċkejkna tiegħu li għad għandha biss sentejn. Jason spjegalna kif tul ix-xhur t’Awwissu kien jorqod u jqum fil-garaxx fejn kien qed jagħmel ix-xogħol.

L-istatwa li turi l-Madonna mżejna bl-anġli madwarha qiegħda fil-proċess li tiġi ndurata bid-deheb u sabiex ix-xquq u d-dwawar jispikkaw b’kuluri distinti, fl-istatwa intuża deheb b’valuri differenti.

Farrugia temm jgħid li “L-istatwa kien fiha proċess sħiħ tal-induratura li tinvolvi l-ġessatura kollha, xi tnejn u għoxrin passata u mbagħad l-irfinar u d-disinn li tqatta fuqha b’sistema ta’ Bassoliriev u finalment l-induratura kollha hux”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend