Studju li sar mill-Istitut għall-Governanza ta’ Basil ikklassifika lil Malta bħala ġurisdizzjoni b’riskju baxx ħafna għall-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
L-istudju li sar din is-sena poġġa lil Malta fil-113-il post minn 125 pajjiż fid-dinja li ġew mistħarrġa mill-Istitut għall-Governanza ta’ Basel.
Dan huwa l-uniku indiċi indipendenti msejjes fuq riċerka minn għaqda mhux governattiva li tikklassfika lill-pajjiżi skont ir-riskju tagħhom dwar ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ terroriżmu.
L-indiċi jkejjel dawn ir-riskji fil-pajjiżi skont informazzjoni li hija disponibbli minn sorsi bħalma huma l-Financial Action Task Force, Transparency International, il-Bank Dinji u l-Forum Ekonomiku Dinji.
L-indiċi dwar il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu huwa msejjes fuq 15-il indikatur miġburin f’diversi kategoriji fosthom il-konformità mar-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-livell ta’ korruzzjoni fil-pajjiż, l-istandards finanzjarji u s-saltna tad-dritt.
Kull wieħed mill-125 pajjiż taħt il-lenti tal-Istitut indipendenti ngħata punteġġ minn wieħed sa għaxra, b’punteġġ baxx ifisser li l-pajjiż għandu riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu.
Malta ġiet ikklassifikata fil-113-il post, b’punteġġ ta’ 3.94 minn 10.
Pajjiżi li għandhom punteġġ ta’ ħames punti jew aktar huma meqjusa li għandhom riskju kbir u huma esposti għall-ħasil tal-flus.
Pajjiżna kklassifika aħjar minn ġurisdizzjonijiet oħrajn Ewropej bħall-Ġermanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit u l-Lussemburgu.
B’punteġġ ta’ bejn 7.76 u 8.22 minn għaxra, il-Mozambique, Laos, il-Myanmar u l-Afghanistan ġew ikklassifikati fl-ewwel erba’ postijiet bl-ogħla riskju ta’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu.
Dan l-indiċi jsegwi analiżi li wettqet fl-aħħar xhur l-aġenzija tal-kreditu Ġermaniża creditreform fejn osservat li l-awtoritajiet Maltin fosthom l-MFSA u l-FIAU ħadu diversi azzjonijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kontroll akbar mir-regolaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji.