Tissokta l-ħidma tal-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi sabiex ikomplu jitkissru ċ-ċrieki tal-kriminalità tad-droga.
one.com.mt jista’ jiżvela li tard l-Erbgħa filgħaxija, il-Pulizija qabdet waħda mill-ikbar qabdiet tad-droga kannabis għal din is-sena meta l-Pulizija sabu 31 kilogramma ta’ kannabis moħbija f’qiegħ falz ta’ vettura li kienet għadha kif waslet Malta bil-katamaran minn Sqallija.
Dan l-istazzjon jinsab informat li dwar dan il-każ, il-Pulizija arrestat żewġ aħwa Rumeni, wieħed ta’ 21 sena u ieħor ta’ 19-il sena. L-istess sorsi qalu li r-Rumeni ma jidhirx li għandhom residenza fissa f’Malta.
Nifhmu li ż-żewġt irġiel se jkunu qegħdin jitressqu l-qorti mixlija bi traffikar u pussess ta’ droga.
Dwar il-każ infetħet ukoll inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa V. Axiaq.