Se tittella’ għall-ewwel darba l-fiera ‘Playcon’ waqt id-‘Delta Summit’ – One News

Notifiki

Se tittella’ għall-ewwel darba l-fiera ‘Playcon’ waqt id-‘Delta Summit’

Għall-ewwel darba f’Malta, gamers u esperti tal-logħob diġitali kemm lokali u internazzjonali ser ikunu jistgħu jieħdu sehem u jesponu xogħolhom fl-ewwel edizzjoni ta’ Playcon, fiera ta’ logħob diġitali li ser issir fil-bidu ta’ Ottubru waqt id-Delta Summit bħala parti mill-ġimgħa għat-teknoloġija. 

Din il-pjattaforma hija mmirata li tkompli tkabbar is-settur tal-gaming f’pajjiżna u tesponi t-talent Malti f’dan is-settur.

Fit-tnedija ta’ din l-ewwel edizzjoni ONE News tkellem Kersten Chircop, wieħed mill-organizzaturi ta’ Playcon u l-fundatur ta’ GMR Entertainment fejn tkellem dwar dan l-avveniment.

Hu stqarr magħna “Għandna numru ta’ esebituri fejn ħa jkunu qed juru x’qed jagħmlu u ma jagħmlux. Jiġifieri l-pubbliku ħa jara x’opportunitajiet hawn f’dawn l-industriji filwaqt li ħa jkunu jistgħu jippruvaw ċertu esperjenzi relatati ma’ virtual reality, video games u ħa jkun educational sessions biex nispjegaw eżatt x’jinvolvi li tkun game developer u E-sports player”.

ONE News tkellem ukoll ma’ Anthony Demanuele, direttur ta’ kumpanija tal-gaming lokali li tiżviluppa dan il-logħob.

Huwa tkellem dwar l-importanza ta’ avveniment bħal dan għal kumpaniji Start Ups Maltin.

Demanuele qali li “F’kull stadju li inti qed tagħmel logħba inti huwa importanti ħafna li ġġib il-feedback mingħand il-plajers. Li ħa turiha l-plejers u ħa jtuk huma l-feedback kemm pożittiv u negattiv biex inti tkun tista’ timpruvja. Bi pjattaforma bħal din aħna nistgħu naraw eżatt fejn nistgħu nimpruvjaw għax ħa jkollna feedback dirett minn plejers lokali li ħafna drabi jirrapreżentaw lill-plejer globali”.

Intant preżenti għal din it-tnedija attenda s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri fejn spjega kif Playcon mhux biss se tesponi logħob u esports iżda sa tinkludi inizjattivi edukattivi immirati li jinfurmaw u jedukaw tfal tal-iskola, żgħażagħ u adulti dwar dawn l-industriji emerġenti u l-opportunitajiet eċċitanti li joffru.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali sostna li “Hawn Malta diġà għandna players li huma professjonali li x-xogħol tagħhom full time huwa fuq hekk biss. Bħalma inti għandek sports ieħor u għandek n-nies professjonal f’dak l-isports l-E-sports qed jikber u kiseb popolarità b’mod eżorbitanti ħafna f’livell dinji. Aħna bħala pajjiż qed naraw li nimirħu wkoll lejn dik l-industrija u llum qed niżirgħu dik iż-żerriegħa li jekk Alla jrid fi ftit tax-xhur oħra nkunu nistgħu naraw siġra li tkun qiegħda tħalli l-frott”.

Playcon se tkun qed tittella’ bejn it-3 u s-6 ta’ Ottubru fl-MFCC Ta’ Qali u se tkun mifruxa fuq medda ta’ 3,000 metru kwadru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend