Il-Eurostat identifika lil Malta bħala l-pajjiż Ewropew bl-ikbar żieda fin-numru ta’ infermiera li qed jilħqu. Dan qalitu Dr Roberta Sammut, id-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza Medika fl-Università ta’ Malta, waqt riċeviment ta’ awgurju mal-infermiera l-ġodda li sar ilbieraħ ġewwa l-Ministeru għas-Saħħa.
B’kollox, mill-2009 sa din is-sena se jkunu laħqu 1,175 infermier ġdid f’pajjiżna.
Din is-sena diġà lestew il-kors tal-infermiera u l-qwiebel 157 student, filwaqt li 22 oħra baqgħalhom xi eżamijiet sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. B’hekk, b’kollox se jkunu qed jiggradwaw 179 infermiera ġodda din is-sena, u dan huwa wieħed mill-akbar numri ta’ gradwati fl-infermerija f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irringrazzja lill-infermiera għar-rwol tagħhom fil-qasam tas-saħħa għall-ġid tal-pazjent. Huwa qal li ż-żieda fl-infermiera tawgura tajjeb għas-settur tas-saħħa. “Huwa biss grazzi għar-riżorsa umana li nistgħu nibqgħu noħolqu aktar servizzi ġodda għall-ġid tal-pazjenti tagħna”, qal il-Ministru.
Ritratt: MFH