Jiżdiedu bi 28,500 fl-aħħar 5 snin il-familji sidien ta’ djarhom – One News

Notifiki

Jiżdiedu bi 28,500 fl-aħħar 5 snin il-familji sidien ta’ djarhom

Skont stħarriġ tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatisika dwar ix-xejriet u l-kundizzjonjiet tal-għajxien fi djar privati, l-għadd ta’ familji li huma sidien ta’ djarhom żdied bi 28,500 bejn l-2013 u l-2018, u l-maġġoranza tagħhom kienu sidien li ma kellhomx self mal-bank. 

 B’kollox, l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom matul is-sena li għaddiet kien ilaħħaq 148,000 jew kważi 79% tal-familji kollha li jgħixu fil-gżejjer Maltin.

 L-istatistika tal-NSO turi li tliet kwarti minnhom ma kellhom l-ebda self mal-bank fuq djarhom, filwaqt li l-kumplament għadhom iħallsu s-self. Joħroġ ukoll li żdiedu dawk li m’għandhom l-ebda self mal-bank fuq il-propjetà.

Irriżulta wkoll li fl-aħħar 5 snin, il-persentaġġ ta’ nies fil-kera li jqisuha bħala piż kbir naqas b’sitta punt ħamsa fil-mija għal 32.7%.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li dawn ic-ċifri huma sinifikanti ħafna l-aktar  meta wieħed iqis li f’ħames snin, l-għadd ta’ djar ġodda li huma abitabbli żdied b’31,600 għal 187,750.

Dan ifisser li 9 minn kull 10 idjar ġodda kienu ta’ familji sidien ta’ darhom.

In-numru ta’ familji li jikru fejn joqogħdu fl-istess perjodu żdied marġinalment b’1,700 għal ftit anqas minn 40,000.

Il-Ministru Falzon żied jgħid li dawn huma riżultati pożittivi ħafna meta wieħed iqis it-tkabbir li seħħ fil-popolazzjoni f’dawn l-aħħar snin.

Aktar minn 55% tad-djar huma appartamenti jew maisonettes u l-biċċi l-kbira tar-residenzi fihom ħamest ikmamar jew aktar.

L-istħarriġ wera li kienu ftit anqas minn 16,000 persuna jew 3.4% li ħassewhom li qed jgħixu f’dar relattivament żgħira għad-daqs tal-familja tagħhom, waqt li 6,000  minnhom, jew 1.3%, jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

L-istatistika titfa’ dawl ukoll fuq kif il-familji jqisu l-ispejjeż tad-djar tagħhom.

Fl-2018, ftit aktar minn 80% stqarrew li l-ispejjeż ma huma tal-ebda piż jew piż baxx; filwaqt li 20% tal-familji jħossu li għandhom piż kbir bl-ispejjeż, tnaqqis ta’ 36% meta mqabbel mal-2012.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend