Se jitħawlu 6,700 siġra ġewwa Forti Rinella b’investiment ta’ miljun ewro – One News

Notifiki

Se jitħawlu 6,700 siġra ġewwa Forti Rinella b’investiment ta’ miljun ewro

Żona mitluqa fil-Forti Rinella tnaddfet u qiegħda tingħata l-ħajja bit-twaħħil ta’ numru kbir ta’ siġar fiha. 

Dan il-proġett ta’ afforestazzjoni li qed isir mill-Fondazzjoni Wirt Artna ħa spinta ‘l quddiem bis-saħħa tal-aġenzija governattiva Infrastruttura Malta li kkontribwixxiet mal-elf u mitt siġra bħala parti minn proġett ta’ miljun ewro li għandu l-għan li sal-aħħar tas-sena jinżergħu mas-6,700 siġra ġdida f’bosta nħawi tal-pajjiż.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Mario Farrugia spjega li l-proġett fil-forti se joħloq masġar ta’ 6,00 sal-aħħar tas-sena.

Farrugia qal li “L-għan ewlieni huwa li mhux biss li art li kienet degredata nagħmlu użu aħjar minnha però wkoll biex inżidu esperjenza oħra wkoll mal-Forti Rinella li hi magħrufa naturalment għall-esperjenza storika u anke l-element ta’ reenactments imma barra dik issa wkoll qed neqilbu u nżidu d-dimensjoni naturali”.

Huwa żied jgħid li s-siġar li qed jitħawlu huma indiġeni u mhux invażivi, minbarra li huma iżjed addattati għal klima Maltija.

Farrugia tenna li “Is-siġar li għandna, li tħawlu s’issa għandek iż-żebbuġ u t-tamarisk. Fil-fatt għandek xi 600 siġra tamarisk imma ħa jiżdiedu għal xi elf. Qed nużawhom ukoll bħala windbreakers biex jipproteġu naturalment iż-żebbuġ għax dak ibati u jibqa baxx. Barra dawn it-tip ta’ siġar ikun hawn il-ħarrub, iż-żnuber u l-lewża pereżempju u siġar oħra li huma assoċjati mal-abitat tagħna”.

Fi żjara fis-sit, il-Ministru għall-Infrasttura Ian Borg qal li s-siġar li ħawwlet Infrastruttura Malta huwa ferm iktar minn sempliċiment kumpens għax-xogħlijiet li qed twettaq biex timmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż.

Il-Ministru Ian Borg stqarr li “Dan huwa kumpens li jmur lilhinn mill-proġetti partikolari. 6,700 siġra li se jkunu mħawla sal-aħħar ta’ din is-sena u jiena kburi bix-xogħol li qed isir għall-infrastruttura aħjar imma b’rispett sħiħ lejn l-ambjent”.

Spjega li fl-isfond ta’ kritika dwar siġar li kellhom jinqalgħu jew jiġu rilokati, Infrastruttura Malta ħawlet 2,200 siġra fi tlettax il-post differenti.

Fost dawn erba’ mija u ħamsa u ħamsin siġra fil-Marsa, mija u sebgħa siġar taż-Żnuber fit-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat. Fl-istess waqt qal li fadal 4,500 siġar x’jitħawlu f’wieħed u tletin post differenti sal-aħħar tas-sena. Minbarra t-twaħħil ta’ siġar ġodda, qal li tħejja pjan ta’ manutenzjoni għal dawn is-siġar

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend