Il-familja tal-membru fil-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista ta’ Kerċem Steven Pace li huwa wieħed mill-imħuħ kontra l-proġett tas-Central Link, allegatament qiegħda daħħal eluf kbar ta’ ewro fix-xahar bis-saħħa ta’ dan il-proġett.
Fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta Illum ġie żvelat li l-familja ta’ Pace qed tikri l-villa li għandha f’Ħ’Attard lill-kuntratturi ta’ dan il-proġett biex tintuża bħala uffiċini.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-familja ta’ Pace qed iddaħħal madwar erbat elef ewro mill-kera tal-villa li tinsab fi Triq Oliver Agius f’Ħ’Attard.
Il-villa qed tinkera lill-kumpanija responsabbli mill-kostruzzjoni ta’ dan il-proġett li kien ilu fuq l-ixkaffa aktar minn tlettax-il sena u li għandu l-għan li jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku miż-żona ċentrali tal-pajjiż.
Il-gazzetta Illum qalet li l-kuntratturi ilhom xhur jikru din il-villa.
L-oppożizzjoni ta’ Pace għal dan il-proġett qed issir bħala resident ta’ Ħ’Attard. Ingħad li l-villa tal-familja Pace tinsab fuq in-naħa ta’ barra tal-lokalità fejn hu ppjanat li ssir triq biex tħaffef it-traffiku f’din iż-żona u tnaqqas id-dħaħen tal-karozzi mill-qalba ta’ Ħ’Attard.
Ironikament żied jingħad li Pace jgħix f’Kerċem fejn hu membru tal-kumitat tal-Partit Nazzjonalista u saħansitra ngħad li jmexxi wkoll il-bar tal-istess każin.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti jikkonfermax dan it-tagħrif u jekk din ixxellifx kull nitfa’ ta’ kredibilità li jista’ jkollu fl-oppożizzjoni kbira tiegħu għal dan il-proġett, Pace irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet u beda jistaqsi lill-ġurnalisti minn tahom in-numru tal-mobile tiegħu. Dan sakemm qatgħalhom il-linja u waqqafhom milli jkomplu bid-domandi tagħhom.
Intant fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta KullĦadd ġie żvelat ukoll li wieħed mis-seba’ residenti ta’ Ħ’Attard li qed jitolbu lill-Qorti twaqqaf il-proġett tas-Central Link huwa Malcolm Vella Haber li jiġi ħaten l-ex ministru Nazzjonalista Joe Cassar. Eks ministru li erba’ snin ilu rriżenja minn deputat Nazzjonalista wara li nkixef li rċieva pjaċiri u għotjiet minn kuntratturi.
Il-gazzeta żvelat li l-ex Ministru Cassar u Vella Haber li kien anke segretarju privat tiegħu, għandhom proprjetajiet maġenb xulxin fl-inħawi fejn se ssir triq ġdida li kienet ilha mmarkata għexieren ta’ snin qabel ma nbdew l-istess djar. Iżda għal raġunijiet li ma jafhom ħadd, il-Kabinett li kien jagħmel parti minnu Cassar ħalliha fuq l-ixkaffa.