Il-PN “b’imma kbira” dwar il-proġett tal-mina – One News

Notifiki

Il-PN “b’imma kbira” dwar il-proġett tal-mina

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ mhux konsistenti dwar il-proġett ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Filwaqt li fil-Parlament qalu li jaqblu mal-konnettiva permanenti bejn iż-żewġ gżejjer, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista għandu r-riservi tiegħu dwar dan il-proġett.

Dan minkejja li l-proġett tal-mina kienet ukoll waħda mill-wegħdiet ewlenin fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli qal li l-vot favur il-proġett tal-mina fil-Parlament kien soġġett għal bosta kundizzjonijiet.

“Meta aħna għidna li qbilna fil-Parlament, aħna għidna li qbilna, suġġett għal, jiġifieri ‘subject to’,” qal is-Segretarju Ġenerali.

Puli qal dan meta mistoqsi dwar stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li fiha talab lill-gvern jippubblika l-istudji kollha lesti dwar il-mina. Studji li kienu ilhom ix-xhur ippublikati fuq is-sit ta’ Transport Malta.

Mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti, Puli nqabad fuq sieq waħda, tant li għall-kuntrarju ta’ dak li qalet l-istqarrija, spiċċa jaqbel li l-Gvern ippubblika l-istudji li diġà saru.

Saħansitra spiċċa jgħidilna li l-istqarrija kienet qed tagħmel referenza għal studji li għadhom mhux konklużi.

Dwar il-kritika interna li saret lill-Partit Nazzjonalista li ċekken il-festi tal-55 sena anniversarju tal-Indipendenza, Clyde Puli kkontradixxa lilu nnifsu u waqt li stqarr li jrid jagħmel ċelebrazzjonijiet kbar, fl-istess nifs ammetta li se jnaqqas in-nefqa b’75%.

“Qed jiġu ffrankati, ħalli ma ngħidlekx ċifri imma bejn wieħed u ieħor ħamsa u sebgħin fil-mija tal-ispiża li mhix żgħira, mhux żgħira,” iddikjara Puli.

Dawn ir-rimarki diġà ġew ikkritikati minn bosta persuni midħla sew fil-Partit Nazzjonalista. Fosthom l-opinjonista Emanuel Galea li f’artiklu fuq the Times of Malta kiteb kif din id-deċiżjoni li jiċċelebraw l-festa tal-indipendenza bit-tqanċiċ, kienet biss simbolu ta’ partit li jinsab għarkupptejh.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend